2021/01 – Il-Parabbola taż-Żerriegħ

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew (Mt 13, 3b-9; 18-23)

U qalilhom: “Darba wieħed bidwi ħareġ jiżra’. Huwa u jiżra’, xi żerrigħat waqgħu mal-mogħdija; ġew l-għasafar u naqqruhom kollha. Oħrajn waqgħu f’art kollha blat, fejn ma kienx hemm wisq ħamrija, u malajr nibtu, għax il-ħamrija ma kinitx fonda; iżda mbagħad telgħet ix-xemx, u nħarqu u nixfu, għax ma kellhomx għeruq. Oħrajn waqgħu qalb ix-xewk, u x-xewk kiber magħhom u ħonoqhom. Imma oħrajn waqgħu f’art tajba, u għamlu l-frott, min mija, min sittin, u min tletin. Min għandu widnejn, ħa jisma’!”

“Mela isimgħuha intom il-parabbola ta’ dak li ħareġ jiżra’. Kull min jisma’ l-kelma tas-Saltna u ma jifhimhiex, jersaq il-Ħażin u jisraqlu dak li jkun inżera’ f’qalbu: dan huwa dak li nżera’ mal-mogħdija. Dak li nżera’ f’art kollha blat huwa dak li jisma’ l-kelma u jilqagħha minnufih bil-ferħ; imma għeruq ma jkollux fih innifsu, u għalhekk ftit idum; imbagħad jiġi fuqu l-għawġ, jew isib min iħabbtu minħabba l-kelma, u malajr jitfixkel. Dak li nżera’ qalb ix-xewk huwa dak li jisma’ l-kelma iżda l-inkwiet żejjed għall-ħwejjeġ tad-dinja u l-ġibda għall-ġid tal-art joħonqulu l-kelma, li għalhekk ma tagħmilx frott. Dak imbagħad li nżera’ f’art tajba huwa dak li jisma’ l-kelma u jifhimha; u tassew hu jagħmel il-frott; dan jagħmel mija, dak sittin, u l-ieħor tletin.”

https://www.bible.com/en-GB/bible/2505/MAT.13.MB20
Ikona Biżantina

Għar-riflessjoni tagħna għal-laqgħa ta’ dan ix-xahar ser nimmeditaw fuq l-ikona Biżantina li tidher hawn biex naraw kif il-parabbola taż-żerriegħa tapplika għall-ħajja tagħna. Għal din ir-riflessjoni nixtieq nieħu angolu li forsi ftit naħsbu fuqu – li dawn l-erba’ tixbiħat li jiddeskrivi Ġesù jistgħu jkunu mumenti differenti tul ħajti.

Qabel nibdew nixtieq nagħmel rimarka li wieħed għandu jaqra ikona b’mod differenti minn kif wieħed iħares lejn pittura. L-iskop prinċipali tal-ikona hu biex idaħħal lil dak li qiegħed quddiema f’dinja spiritwali, fejn is-simboli u l-kuluri huma ta’ importanza daqs il-figuri miktuba. Nitkellmu aktar dwar dan darba oħra.

Xi punti biex jgħinuna nirriflettu:

Fl-isfond tal-ikona jiddomina l-kulur ta’ lewn id-deheb. Dan ifakkarna fil-glorja li aħna nittamaw fiha. Din hi l-glorja tat-tgawdija t’Alla fl-eternità. Anke l-muntanji narawhom inklinati lejn dak li hu divin, donnhom qed ifittxu xena aħjar.

It-triq fl-ikona tirrapreżenta l-mixja tal-fidi tagħna, li għanda twassalna għand il-Missier.

Fl-ikoni ħafna drabi naraw lil Ġesù bl-iskroll tal-Iskrittura (il-Kelma) f’idu. Din id-darba qed narawh b’abbundanza ta’ żerriegħa. U allura nistgħu ngħidu li din iż-żerriegħa tippreżenta l-Kelma li Ġesù jagħtina fil-mixja tal-fidi tagħna. Din il-Kelma tiġi minn sorsi differenti; bħal per eżempju, mill-Iskrittura Mqaddsa, mill-eżempji tal-qaddisin, jew permezz ta’ persuni li ntlaqgħu magħhom.

Ammont sostanzjali ta’ żrieragħ qed jiġi miżrugħ, imma mhux l-ammont hu mportanti iżda t-tip tal-art. Għalhekk aħna rridu nirsistu biex nippreparaw art tajba, biex il-Kelma li nirċievu tkun tista’ tikber.

Dettal ta’ id Ġesù mill-Ikona.

Jekk inħarsu lejn id Ġesù  fl-Ikona, naraw li f’idu hemm il-pjaga. Il-kittieb ta’ din l-ikona jrid ifakkarna biex ma naqtawx qalbna mix-xewk ta’ ħajjitna, għaliex aħna diġa’ mifdijja. Issa sta għalina biex inħallu ż-żerriegħa tikber f’ħajjitna u nkunu salvi.

Matul il-mixja tal-fidi tagħna, aħna nistgħu nkunu fi stati differenti – dawk l-istati li jsemmi Ġesù fil-parabbola.
1. Id-dnub itellifna milli nisimgħu il-kelma, jew li nwettquha.
2. Ikun hemm mumenti fil-ħajja tagħna fejn aħna nħossuna qrib tal-Mulej u mxennqa li nisimgħu il-Kelma tiegħu. Dan nagħmluh imma malajr nerġgħu lura għal mod tal-ħajja li konna qabel mal-ewwel problema jew għawġ.
3. Xi drabi minkejja li nħossu l-Ġesù qrib tagħna, xorta nagħżlu nagħmlu għemejjel li jmorru kontra tal-Kelma li nirċievu. Ħafna drabi dawn l-għemejjel ikunu sottili u bilkemm nindunaw bihom. Bħal ngħidu aħna, li nagħżlu nkunu ‘prudenti’ u nħallu persuni qrib tagħna jagħmlu l-ħażen jew jidbedu minn Alla. (Dan ma jfissirx li m’għandniex nerżerċitaw prudenza meta nkellmu jew nikkoreġu lill-oħrajn imma li nixtieq ngħid hawn hu li xi drabi nistaħbew wara l-iskuża tal-prudenza u nħallu kollox jgħaddi għax qegħdin komdi.)
4. Hemm mumenti wkoll li l-Kelma tagħmel il-frott. Fl-ikona, is-siġra bil-frott qiegħda mall-ġenb tat-triq. Ħafna drabi l-frott ma narawhx aħna fil-mixja tagħna, imma xorta waħda jkun hemm!

Biex nispiċċa, nixtieq nistiednek tagħmel ftit mumenti ta’ skiet u taħseb ftit kif dawn l-erba’ stati huma manifestati, preżenti, fil-ħajja tiegħek.