L-Iskema tal-Gruppi Familji Nsara ta’ Marzu tippreżentalna l-parabbola tal-imħallef u l-armla. Kif qed nagħmlu kull xahar, bħala sussidju għall-iskema ser naqbdu immaġni u nirriflettu fuqha.
Il-Parabbola tal-Imħallef u l-Armla (Lq 18, 1-8)
Imbagħad qalilhom parabbola biex jurihom li għandhom dejjem jitolbu bla ma jaqtgħu. Qalilhom: “Kien hemm f’belt wieħed imħallef, li la kien jibża’ minn Alla u lanqas iħabbel rasu minn ħadd. F’dik il-belt kien hemm waħda armla, u kienet tmur għandu u tgħidlu, ‘Agħmilli ħaqq kontra l-għadu tiegħi.’ Hu ma riedx, u dam ħafna hekk; iżda mbagħad bejnu u bejn ruħu qal, ‘Mhux għax nibża’ minn Alla jew għax se nħabbel rasi min-nies, imma għallinqas għax din l-armla dejqitni; ħa nagħmlilha ħaqq, biex ma tibqax ġejja u sejra sa ma tifnini.’ ”U l-Mulej qal: “Isimgħu ftit x’jgħid l-imħallef il-ħażin. Imbagħad Alla, lill-magħżulin tiegħu li jgħajtulu lejl u nhar, sejjer ma jagħmlilhomx ħaqq? Se joqgħod itawwal magħhom? Jiena ngħidilkom li malajr jagħmlilhom ħaqq. Imma taħsbu intom li Bin il-bniedem se jsib il-fidi fuq l-art meta jiġi?”
Luqa 18, 1-8
Tifsira
Qabel ma nduru lejn l-immaġni li għandna llum, nixtieq nagħmel xi ftit punti dwar din il-parabbola. Jekk wieħed ma joqgħodx attent, malajr jasal għal konklużjoni żbaljata dwar l-għan ta’ din il-parabbola li qal Ġesù.
L-ewwel element li wieħed jinnota hu l-attribwiti tal-imħallef. Il-Liġi kienet titlob li l-imħallef għandu jkun sewwa u ġust (Lev 19, 15; Dewt 16, 18) u l-korruzzjoni ma kienitx aċċetta (Eż 23,8; Dewt 10, 17), għalkemm dan ma kienx dejjem il-każ (1 Sam 8, 3).
Fil-kuntest storiku ta’ din il-parabbola, li mara tmur quddiem imħallef ma kienitx normali. Barra minn hekk l-armla kellu jkollha l-għajnuna (Eż 22, 22; Dewt 24, 17; Is 1, 17). Allura wieħed jista’ jasal għal konklużjoni li din l-armla ġiet miċħuda din l-għajnuna u riedet toħroġ rasha hi. L-uniku arma li kellha għad-dispożizzjoni tagħha kienet li tibqa persistenti quddiem l-imħallef sakemm tieħu dak li riedet (ma nafux jekk kienx ħaqqha tieħu dan jew le).
Imma din hi parabbola u mhux kull element qiegħed hemm biex isir paragun fuqu. Ġesù juża għodda letterarja li ħafna rabbini kienu jużaw, dik li tissejjaħ kal vahomer (bl-Ebrajk, li tfisser mill-ħafif għat-tqil, jew mis-sempliċi għall-kompless). Permezz ta’ din l-għodda wieħed iġib eżempju jew argument li jista’ jifhmu kulħadd biex jispjega xi ħaġa aktar kumplessa. Ġesù permezz ta’ din il-parabbola ma jridx iġib eżempju ta’ kif wieħed għandu jitlob, imma dwar il-persistenza tat-talb.
Xi tfisser li tkun persistenti fit-talb? Wieħed għandu dejjem jibqa’ jitlob sakemm ikollu risposta. Il-persuna li qiegħda titlob għandha tkun miftuħa għal kull tip ta’ risposta – negattiva, pożittiva, jew differenti – u taċċetta li jkun dak li jrid il-Missier (kif wara kollox nitolbu fit-talba tal-Missierna).
Ġesù jispiċċa billi jagħmel mistoqsija (ara Lq 18, 8). Hu jistaqsi li meta għandu jerġa jiġi, ser isib nies ta’ fidi, nies li qed jistennewh sinċerament. Il-persekuzzjoni ġġelna naqtgħu qalbna u nitilfu l-fidi f’Alla. B’din il-mistoqsija Ġesù qiegħed iħeġġiġna nitolbu u ma naqtgħux qalbna (ara vers 1; tema rikorrenti fil-Bibbja, ara https://www.openbible.info/topics/pray_without_ceasing ).
Riflessjoni fuq l-immaġni
L-immaġni li għandna llum hi ta’ Nikola Sarić. Hi kemxejn differenti minn kif imdorrijin naraw, imma fiha ħafna ħsieb u tista’ tkun ta’ għajnuna għar-riflessjoni u t-talb tagħna.
Punti għar-riflessjoni:
- Jien għandi l-ħila nħares lejn Ġesù wiċċ imb’wiċċ?
- X’hemm f’ħajti? Jien nistenna xi haġa lura biex nagħmel dak li hu sewwa? Per eżempju, nistenna l-grazzi tax-xogħol li nagħmel jew dak li nagħmel nagħmlu minn qalbi?
- Jien ninżel fil-livell ta’ ħaddieħor bħal Ġesù, jew komdu noqgħod fuq pedistall?
- Kif inhu t-talb tiegħi ma’ Ġesù, tini ħalli nagħti, bħal dan ir-raġel tal-pittura li qed jgħid lil Ġesù stenna, tini xi haġa l-ewwel u mbagħad nagħti ħaqq lil minn qed jitlobni?
- Kemm jien konxju tal-bżonnijiet ta’ min jiġi quddiemi? Forsi Ġesù stess qiegħed illaqani miegħu, għax jaf li jien għandi l-awtorità/ħila li ngħinu.
Nittama li dawn il-ftit punti sibthom ta’ għajnuna għar-riflessjoni tiegħek. Jalla aħna nkunu konxji tal-bżonnijiet ta’ ħaddieħor u ma nkunux tqal biex nagħmlu dak li hu sewwa. Sliem u barkiet.