2021/5 – Il-Parabbola taż-żerriegħa tal-mustarda u l-ħmira
Għeżież ħbieb, għal dan ix-xahar, għandna preżentati żewġ parabboli, dik taż-żerriegħa tal-mustarda u dik tal-ftit ħmira fil-ħobż. Ħa naqrawhom flimkien:
Il-parabbola taż-żerriegħa tal-mustarda
Ġabilhom parabbola oħra u qalilhom: “Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil żerriegħa tal-mustarda li wieħed raġel ikun qabad u żeragħha fl-għalqa tiegħu. Hija tabilħaqq l-iżgħar waħda fost iż-żrieragħ kollha, iżda meta tikber, tkun l-akbar waħda fost il-ħxejjex u ssir siġra, hekk li l-għasafar tal-ajru jiġu jbejtu fil-friegħi tagħha.”
Il-parabbola tal-ħmira
Qalilhom parabbola oħra: “Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil ftit ħmira li waħda mara tkun qabdet u ħalltet ma’ tliet sigħan dqiq sa ma tkun għoliet l-għaġna kollha.”
Mt 13, 31-33
Iż-żewġ parabboli jittrattaw l-istess suġġett, dak tas-Saltna t’Alla. Fil-laqgħa tagħna mill-Ktieb tal-Iskemi trattajna u ddiskutejna ż-żewġ parabboli. Għal dan is-sussidju nixtieq nieqfu ftit fuq l-ewwel waħda, il-parabbola taż-żerriegħa tal-mustarda. Kif għamilna fix-xhur li għaddew, ser nużaw ikona fuq stil Biżantin li tiddiskivi din il-parabbola u nirriflettu fuqha.
X’inhi tgħidli, lili personali, illum? Hawn taħt hawn ftit punti biex jgħinuk tirrifletti:
- Fejn hi ż-żerriegħa? X’qed nistenna mill-Kelma li jien ngħaddi lil ħaddieħor? Jew mill-Kelma li nirċievi jien? Din ma tidhirx imma hi riflessa f’dak li jikber minnha!
- Kif qiegħed inħares lejn is-Saltna t’Alla? Qiegħed infittixha għar-rasi? Jew kif turina l-ikona, qed inħalli t-Tradizzjoni Appostolika turini ‘s-siġra’ kif birikha u wriha Ġesù?
- Is-Saltna t’Alla mhix xi ħaġa astratta, jew xi ideja, imma hi preżenza fil-ħajja tagħna, fid-dinja li ngħixu fiħa. Mhix statika, imma dinamika, tikber, tgħaddi minn staġuni, u lesta tilqgħa ‘l-għasafar’ fi ħdana.
- Ir-relazzjoni bejn is-siġra u l-għasafar tgħallimna lezzjoni importanti dwar is-Saltna t’Alla. Ix-xogħol ta’ dan is-saltnar mhuwiex dwar it-trasformazzjoni ta’ xi ħadd tellief f’rebbieħ, jew ta’ xi fallimenti f’kisba, jew biex issir popolari. Anzi, il-qawwa t’ Alla fi Kristu Ġesù tbiddel lill-midinbin f’qaddisin, tbiddel lil dawk li kienu jgħixu għalihom infushom f’dawk li jgħixu għal ħaddieħor. L-iskop tat-tkabbir taż-żerriegħa ma kienx sabiex tkun tista’ tirbaħ xi kompetizzjoni jew tiftaħar dwar kemm kienet kbira. Anzi, it-tkabbir tagħha kien għall-għasafar! Ma kibritx għaliha nnifisha, imma għall-oħrajn! Jien għaliex qed nikber fi Kristu?
Matul dan ix-xahar nippruvaw niftakru fil-preżenza tas-Saltna t’Alla f’ħajjitna u fil-familja tagħna.