GFN Maltese Joseph D'Emanuele  

2021/6 – Il-Parabbola tal-għani iblah

Għeżież ħbieb. Fix-xahar ta’ Ġunju l-Iskemi tal-Gruppi Familji Nsara qed jistednuna nirriflettu fuq il-parabbola tal-għani iblah, mill-Evanġelju skont San Luqa.

Il-Parabbola tal-għani iblah

Xi ħadd mill-folla qallu: “Mgħallem, għid lil ħija jaqsam il-wirt miegħi.” “Ħabib,” wieġbu Ġesù, “min qegħedni mħallef fuqkom, jew qabbadni nqassmilkom il-ġid bejnietkom?” Imbagħad qal lin-nies: “Iftħu għajnejkom u ħarsu rwieħkom minn kull regħba, għax imqar jekk wieħed ikollu bir-radam, ħajtu ma tiddependix mill-ġid li jkollu.” U qalilhom parabbola: “Wieħed raġel għani ġabar kotra ta’ frott mir-raba’ tiegħu. U beda jaħseb u jgħid bejnu u bejn ruħu, ‘X’se nagħmel? Għax dan il-frott kollu ma għandix fejn naħżnu! Ara x’nagħmel,’ qal, ‘inħott l-imħażen li għandi u nibni oħrajn akbar, u naħżen fihom il-qamħ u l-ġid kollu li għandi. Imbagħad ngħid lili nnifsi: Ruħi, għandek ħażna kbira ta’ ġid għal bosta snin; mela strieħ, kul, ixrob, ixxala!” Iżda qallu Alla, ‘Iblah li int! Dan il-lejl stess jitolbuk ruħek lura. U l-ħwejjeġ li ħejjejt għalik, ta’ min ikunu?’ Hekk jiġrilu min jiġma’ l-ġid għalih innifsu bla ma jistagħna quddiem Alla.”

Lq 12, 13-21
Ikona Rumena li taqra “Pilda bogatului căruia i-a rodit țarina” li tfisser “il-parabbola tar-raġel għani li l-art tiegħu ħalliet il-frott.” (sors: https://doxologia.ro/imagine/pilda-bogatului-caruia-i-rodit-tarina)

Qabel ma nieqfu biex nirriflettu fuq it-test tal-parabbolla preżentata dan ix-xahar, nixtieq li naqraw silta mill-Evanġelju skont San Mattew (kap 6, vrus 19 sa 21).

Teżori fis-sema

“Tgeddsux għalikom teżori f’din id-dinja, fejn kollox jitmermer bil-kamla u s-sadid, u fejn il-ħallelin jinfdu u jisirqu. Iżda ġemmgħu għalikom teżori fis-sema, fejn xejn ma jitmermer u la bil-kamla u lanqas bis-sadid, u fejn ma hemmx ħallelin jinfdu u jisirqu. Għax fejn hemm it-teżor tiegħek, hemm tinsab qalbek ukoll.

Mt 6, 19-21

“Fejn hemm it-teżor tiegħek, hemm tinsab qalbek ukoll” (Mt 6, 21). Fejn hi qalbek? X’inhu t-teżor tiegħek? Ħares lejn l-ikona ta’ hawn fuq u irrifletti ftit fejn hu t-teżor tiegħek:

  • It-teżor tiegħek qiegħed f’dak li għandek?
  • Jew forsi, f’dak li tagħmel, ix-xogħol tiegħek?
  • Jista’ jkun li qalbek hi aktar f’dak li tikkonsma?
  • Kemm int grad tal-ġid li għandek?
  • Taqsam dak li għandek ma’ ħaddieħor?
  • Konxju mid-don taż-żmien?

Dawn huma ftit punti biex tirrifletti dwar it-teżori tiegħek. Mhux ħażin li jkollok teżori. Li hu ħażin hu jekk qalbek tkun marbuta magħhom u mhux tużahom biex tagħti glorja l’Alla u taqsamhom mal-oħrajn.