2021/7 – Il-Parabbola tal-Qaddej li ma jaħħfirx
Matul dan ix-xahar, bħala Gruppi Familji Nsara mistiedna nirriflettu fuq il-parabbola tal-qaddej li minkejja li l-imgħallem ħafirlu d-dejn kbir tiegħu, hu xorta waħda ma ħafirx id-dejn żgħir li sieħbu kellu miegħu. Ħa naqraw il-parabbola flimkien.
Il-parabbola tal-qaddej li ma jaħfirx
Imbagħad Pietru resaq lejh u qallu: “Mulej, xi kemm-il darba jrid jonqosni ħija biex jiena naħfirlu? Sa seba’ darbiet?” “Ma ngħidlikx sa seba’ darbiet,” wieġbu Ġesù, “imma sa sebgħa u sebgħin darba. Għalhekk is-Saltna tas-Smewwiet nistgħu nxebbhuha ma’ wieħed sultan, li ried jagħmel il-kontijiet mal-qaddejja tiegħu. Kif beda jagħmel dan, ħadulu quddiemu wieħed li kellu jagħtih għaxart elef talent. Billi ma kellux minn fejn iroddhomlu, is-sinjur ordna li jinbiegħu hu, martu, uliedu u kulma kellu, ħalli b’hekk jitħallas id-dejn. Imma l-qaddej inxteħet quddiemu jitolbu u jgħidlu, ‘Sinjur, stabar ftit bija; kollox irroddlok.’ Is-sinjur ġietu ħasra minn dak il-qaddej, bagħtu u ħafirlu dejnu. Mela dak il-qaddej joħroġ, u jiltaqa’ ma’ wieħed minn sħabu, li kellu jagħtih mitt dinar; qabdu minn għonqu u beda jagħfsu. ‘Ħallas dejnek,’ qallu. Il-qaddej sieħbu nxteħet quddiemu jitolbu bil-ħniena u jgħidlu, ‘Stabar ftit bija u rroddlok.’ Imma dak ma riedx jaf, mar u xeħtu l-ħabs sa ma jrodd kulma kellu jagħtih. Sħabu l-qaddejja raw il-ġrajja kollha u sewdu qalbhom ħafna; marru għand is-sinjur tagħhom u tarrfulu kulma kien ġara. Imbagħad is-sinjur bagħat għalih u qallu, ‘Ja qaddej ħażin, meta jiena ħfirtlek dak id-dejn kollu wara li tlabtni bil-ħniena, ma kienx imissek int ukoll tħenn għal sieħbek kif ħennejt jien għalik?’ U saħan bl-aħrax is-sinjur għalih, u tah f’idejn min jaħqru sa ma jrodd kulma kellu jagħti. Hekk jagħmel lilkom Missieri li hu fis-Smewwiet jekk ma taħfrux lil xulxin minn qalbkom.”
Mt 18, 21-35
Għas-sussidju ta’ dan ix-xahar nixtieq li nirriflettu dwar il-maħfra. Dawn li ġejjin huma ftit punti biex nirriflettu dwarhom:
- X’nifhem meta fit-talba tal-Missierna ngħid: “Aħfrilna dnubietna bħal ma naħfru lil min hu ħati għalina”?
- Ġieli doqt il-maħfra? Min ħafirli f’ħajti? X’kienet tfisser għalijja dik il-maħfra? Kif ħassejtni meta ġejt maħfur?
- Min qed jistenna l-maħfra tiegħi? Hemm xi ħadd f’ħajti li għandi bżonn nirrikonċilja miegħu/magħha?
Li taħfer mhux faċli. Xi drabi hu iktar faċli li tinsa u timxi, milli verament taħfer lil xi ħadd. Dawn t’hawn taħt huma xi punti prattiċi li jistgħu jgħinuk meta ssibha diffiċli taħfer.
- Itlob, kemm għalik u kemm għal persuna l-oħra. Dan tal-aħħar hu ħafna effettiv jekk il-persuna l-oħra għadha għaddejja bil-ħażen tagħha.
- Agħmel sawm għal dan il-għan.
- Ħu aktar sehem fl-Ewkaristija u offri t-talb tiegħek biex taħfer.
- Għix fil-preżent.
- Tħallix lill-oħrajn u l-ego tiegħek itelliflek il-paci miegħek innifsek u minn mal-oħrajn.
- Dan hu proċess, ħalli l-emozzjonijiet tiegħek jieħdu l-passi tagħhom mingħajr ma jikbru żżejjed.
- Wara li taħfer, aħseb jekk ikunx ahjar li żżomm il-bogħod minn xi persuni jew postijiet (healthy boundaries).
Wara kollox, il-maħfra kienet ir-risposta ta’ Ġesù fuq is-salib! Amen.