GFN Maltese Spirituality Joseph D'Emanuele  

2022/4 – Il-mewt ta’ Lazzru

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

Marta qalet lil Ġesù: “Mulej, kieku kont hawn, ħija ma kienx imut. Imma wkoll issa, jiena naf li kulma int titlob lil Alla, Alla jagħtihulek.” Ġesù qalilha: “Ħuk jerġa’ jqum!” Qaltlu Marta: “Jiena naf li jerġa’ jqum, fil-qawmien mill-imwiet fl-aħħar jum.” Qalilha Ġesù: “Jien hu l-qawmien u l-ħajja. Kull min jemmen fija, ukoll jekk imut, jgħix; u kull min jgħix u jemmen fija, dan ma jmut qatt. Temmnu inti dan?” “Iva, Mulej,” weġbitu, “Jiena nemmen li inti l-Messija, l-Iben ta’ Alla, dak li ġie fid-dinja.”

Kif qalet dan, marret issejjaħ lil oħtha Marija u minn taħt l-ilsien qaltilha: “L-Imgħallem hawn, u qiegħed isejjaħlek.” Dik, malli semgħetha, qamet minnufih u marret ħdejh. Ġesù kien għadu ma daħalx fir-raħal, imma baqa’ fejn kienet ġiet tiltaqa’ miegħu Marta. Il-Lhud li kienu d-dar ma’ Marija biex ifarrġuha, kif rawha tqum malajr u toħroġ, marru warajha, għax stħajluha sejra lejn il-qabar biex toqgħod tibki hemm. Meta Marija waslet fejn kien Ġesù u ratu nxteħtet f’riġlejh, tgħidlu: “Mulej, kieku kont hawn, ħija ma kienx imut.” Ġesù, kif ra lilha tibki u l-Lhud, li ġew magħha, jibku wkoll, ħass ruħu mqanqal u tħawwad ħafna. “Fejn qegħedtuh?” staqsiehom. Huma weġbuh: “Mulej, ejja u ara.” U Ġesù beka. Għalhekk il-Lhud qalu: “Ara kemm kien iħobbu!” Iżda xi wħud minnhom qalu: “Ma setax dan il-bniedem, li fetaħ għajnejn l-agħma, jagħmel ukoll li dan ma jmutx?”

Ġesù ħass ruħu mqanqal għal darb’oħra u resaq lejn il-qabar. Dan kien għar magħluq bi blata fuqu. Ġesù qal: “Neħħu l-blata.” Marta, oħt il-mejjet, qaltlu: “Mulej, issa beda jrejjaħ; ġa ilu erbat ijiem mejjet.” Qalilha Ġesù: “Ma għedtlikx li jekk inti temmen, tara l-glorja ta’ Alla?” Imbagħad neħħew il-blata. Ġesù rafa’ għajnejh ’il fuq u qal: “Missier, irroddlok ħajr li smajtni. Kont naf li inti dejjem tismagħni, imma għedt dan minħabba n-nies li hawn madwari, biex huma jemmnu li inti bgħattni.” Kif qal hekk, għajjat b’leħen għoli: “Lazzru, oħroġ!” U dak li kien mejjet ħareġ, b’idejh u riġlejh infaxxati u b’maktur ma’ wiċċu. Ġesù qalilhom: “Ħollulu l-faxex u ħalluh imur.”

Ġw 11, 21-44

Riflessjoni

Illum nixtieq li nieqfu ftit fuq l-ikona fuq stil Biżantin li għandna hawn fuq.  Nistiednek biex qabel nkomplu tħares ftit lejha u tosserva d-dettalji li hemm.

Hemm ħafna simboli f’din l-ikona, fosthom il-kuluri wżati, bħall-aħdar għat-tama u l-iswed fil-qabar li jfakkarna fid-dnub tagħna.  Ġesù għandu l-iskroll tal-Liġi f’idu u bl-oħra jurina l-qawwa tiegħu fuq il-mewt. 

Imma barra dan kollu u aktar, ejjew inħarsu ftit lejn Lazzru u dawk iż-żewġ persuni viċin tiegħu, wieħed iżomm il-faxex u l-ieħor iżomm il-ġebla tal-qabar.  Lazzru jidher b’għajnejh miftuħa. Dan ifisser li Lazzru diġà qam mil-mewt, għalhekk il-faxex bojod b’linji ħomor – intervent divin.  Meta Ġesù qajjem lil Lazzru mill-imwiet, kien fadallu l-faxex imdawrin miegħu.  Kellu bżonn l-għajnuna ta’ xi ħadd ieħor biex ineħħihom.  Għalkemm kien ‘imfejjaq’, kellu bżonn għajnuna oħra.  Barra minn hekk, biex joħroġ mil-qabar, kien hemm bżonn ta’ min imexxi l-ġebla.  It-tnejn, min qiegħed iħoll il-faxex u min qiegħed imexxi l-ġebla jidhru li qed jagħmlu sforz; wieħed minħabba r-riħa u l-ieħor minħabba t-toqol.  Xi jfisser dan?  Dan ifisser li aħna mitluba ngħinu lill-ħaddieħor, anke jekk biex nagħmlu dan ma nibqgħux iktar komdi.  Dan hu l-veru dixxiplu, li jkompli dak li beda Ġesù!

Għeluq

Wara din ir-riflessjoni qasira, ieqaf ftit u aħseb lil minn Ġesù qiegħed jgħidlek biex tħoll il-faxex.  Itlob lil Mulej jagħtik il-kuraġġ biex tagħmel dan.