Katekeżi tal-isqof San Ġwann Kriżostmu: Il-qawwa tad-demm ta’ Kristu
San Ġwann Krisostmu (c. 349 – 407 AD) kien isqof u teologu tal-Knisja tal-bidu. Hu kien magħruf għall-predikazzjoni u l-kitbiet elokwenti tiegħu. Huwa twieled f’Antjokja, fit-Turkija tal-llum u studja taħt l-oratur pagan magħruf, Libanius, qabel ma dan tal-aħħar ikkonverta għall-Kristjaneżmu.
Krisostmu daħal monaku ta’ età żgħira u wara ġie ordnat saċerdot. Ħadem f’diversi karigi fil-knisja Kristjana tal-Lvant. Sar l-isqof ta’ Kostantinopli fis-sena 397 AD, iżda l-kritika tiegħu dwar il-prattiċi korrotti tal-qorti imperjali u l-insistenza tiegħu fuq riforma morali għamluh għedewwa ta’ ħafna nies f’kariga għolja, fosthom l-imperatriċi Ewdossja.
Krisostmu kien eżiljat minn Kostantinopli darbtejn u miet waqt it-tieni eżilju tiegħu. Huwa magħruf għall-priedki u kitbiet numerużi tiegħu, fosthom l-Omeliji tiegħu dwar l-Evanġelju ta’ Mattew, li għadhom jinqraw u huma rispettati ħafna mill-insara llum. Huwa wkoll rikonoxxut bħala Duttur tal-Knisja mill-Knisja Kattolika Rumana u l-Knisja Ortodossa tal-Lvant.
Fost il-kitbiet tiegħu, il-Knisja tippreżentalna katekeżi li tinqara waqt l-Uffiċċju tal-Qari kull nhar il-Ġimgħa l-Kbira.
Il-qawwa tad-demm ta’ Kristu
Trid taf x’qawwa għandu d-demm ta’ Kristu? Immorru lura bil-ħsieb tagħna fuq id-demm l-ieħor mogħti b’eżempju tiegħu, niftakru f’dak li fl-imgħoddi kien xbieha tiegħu u naraw xi tgħid l-Iskrittura taż-żmien ta’ qabel.
Oqtlu ħaruf ta’ sena, qal Mosè, u roxxu d-demm tiegħu fuq il-bibien. X’inti tgħid, Mosè? Huwa demm il-bhejjem jista’ jeħles lill-bniedem f’ruħu? Jeħilsu ħafna, qal, mhux għax hu demm, imma għax bih jingħata eżempju ta’ demm il-Mulej. Għalhekk issa l-għadu iżjed u iżjed jaħrab xħin jilmaħ mhux id-demm tax-xbieha mraxxax fuq il-blata tal-bibien iżda d-demm tal-Ħaruf veru ta’ Alla jħammar fuq xufftejn il-fidili, id-demm li jikkonsagra l-blatiet tat-tempju ta’ Kristu.
Trid tara x’qawwa oħra għandu dan id-demm? Nixtieqek tara minn fejn ħareġ l-ewwel, minn liema għajn nixxa. Dan id-demm ġiena l-ewwelnett mill-istess salib; il-bidu tiegħu kien ġenb il-Mulej. Meta Ġesù miet, kif kien għadu mdendel mas-salib, resaq suldat, fetaħlu ġenbu b’daqqa ta’ lanza, u minnufih ħareġ ilma u demm; wieħed xbieha tal-magħmudija, l-ieħor sinjal tal-misteru. Is-suldat fetaħlu ġenbu u deher il-ħajt tat-tempju qaddis; u jien sibt teżor għażiż, u niftaħar li ksibt għana li ma bħalu. Hekk sar minn dan il-ħaruf. Il-Lhud qatlu l-ħaruf, u jien ksibt il-frott ta’ dan is-sagrifiċċju.
Demm u ilma mill-ġenb. Int li qiegħed tismagħni, ma rridekx tibqa’ għaddej ħafif bla ma tieqaf taħseb fuq il-ħwejjeġ li hemm moħbija f’misteru hekk kbir. Baqagħli ngħidlek kliem ta’ tifsira mistika u waħdanija. Għedtlek li dak l-ilma u d-demm huma sinjal tal-magħmudija u tal-misteri. Għax tassew, bihom twaqqfet il-Knisja, bil-ħasil tat-tnissil ġdid u t-tiġdid tal-Ispirtu s-Santu, jiġifieri bil-magħmudija u l-misteri li qishom ħarġu minn ġenb il-Mulej. Iva, Kristu bena l-Knisja minn ġenbu, kif minn ġenb Adam issawret Eva martu.
Kien għalhekk li Pawlu wkoll xehed u qal: Aħna minn ġismu u minn għadmu; ried jgħid, minn ġenbu. Għax bħalma Alla ried li l-mara tissawwar minn ġenb l-ewwel raġel, hekk ukoll Kristu ħareġ ilma u demm minn ġenbu għalina, għat-tiġdid tal-Knisja. U kif Alla fetaħ il-ġenb ta’ Adam mitluf fin-nagħsa tiegħu, bl-istess mod wara l-mewt ta’ Ibnu tana l-ilma u d-demm.
Araw kif Kristu għaqqad miegħu l-għarusa tiegħu, araw b’liema ikel jitmagħna. Bl-istess ikel nitwieldu u nieħdu l-għajxien tagħna. Għax kif l-omm, taħt il-qawwa tal-ġibda naturali, tfittex tgħajjex lil binha bil-ħalib u d-demm tagħha, hekk ukoll Kristu bid-demm tiegħu jgħajjex lil dawk li jagħtihom it-tnissil ġdid.
Qari mill-Katekeżi tal-isqof San Ġwann Kriżostmu
(Katekeżi III:13:19; SC 50:174-177)
Talba
Ħares, Mulej, lejn din il-familja tiegħek, li għaliha Ġesù Kristu Sidna ma stmerrx jagħti ruħu f’idejn il-ħżiena u jsofri t-tbatija ħarxa tas-salib. Hu li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.