Jekk trid tkun taf dwar il-karattru u l-ħsibijiet ta’ persuna, ismagħha titkellem. Il-kliem u l-imġieba jixħtu dawl fuq l-ispiritwalità u l-psike tagħna. L-istess nistgħu ngħidu għal Marija omm Ġesù. Fil-Bibbja għandna veru ftit episodji fejn tissemma Marija, omm Ġesù, u wisq inqas fuq dak li qalet hi. Għall-importanza tagħha, wieħed jistenna li jsib iktar dwarha. Biżżejjed ngħidu li kieku kellna l-Evanġelju skont San Ġwann biss, lanqas biss nafu x’jisimha omm Ġesù! Dan ikompli juri l-kobor tagħha. Marija qatt m’hi ċ-ċentru imma dejjem turina l-Ġesù. Kif jikteb Oriġene, Marija hi folja tax-xema’ f’idejn Alla. Hi lesta li tħassar il-pjanijiet tagħha kollha biex tħalli lil Alla jikteb fuqha dak li jrid mingħajr reżistenza. Fl-ikoni orjentali, dejjem insibu lil Marija b’subajha jindikaw lil Ġesù, għax hu għandu jkun iċ-ċentru, l-iskop tal-ħajja tagħna. Dan hu l-kobor tagħha.
F’dan l-ispazju li ġej ser nirriflettu ftit fuq is-seba’ “kelmiet” ta’ Marija li nsibu fl-Iskrittura Mqaddsa. Ser nagħżel il-lista li nsibu fil-ktieb “sette paroli di Maria” ta’ Gianfranco Ravasi. Listi oħra li wieħed jista’ jsib ma jinkludux l-aħħar punt mil-lista ta’ hawn taħt u jżidu x’setgħat qalet Marija meta rat lil Eliżabetta (mhux mill-Bibbja), jew jieqfu mas-sitt kelma.
1: Luqa 1, 34 – Marija Tistaqsi
Iżda Marija qalet lill-anġlu: “Kif ikun dan, ladarba ma nagħrafx raġel?
Luqa 1, 34
Marija tistaqsi. Li wieħed jistaqsi dwar Alla, xi jrid minnu, kif ser iwettaq dak li jrid Alla minnu, ma jfissirx li tidubita, li qed tonqsok il-fidi, li int dgħajjef. Imma, li tistaqsi u tfittex hu l-punt tat-tluq tal-fidi tagħna; iċ-ċavetta biex niftħu djalogu ma’ Alla.
2: Luqa 1, 38 – Marija tgħid Iva
Imbagħad qalet Marija: “Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skont kelmtek!” U l-anġlu telaq minn quddiemha.
Luqa 1, 38
Wara li Marija staqsiet, forsi anke ma fhemietx x’kien qed jiġi mitlub minnha, hi emmnet bis-sħiħ dak li kien qiegħed jingħad lilha. Dan hu l-mod ta’ kif wieħed jgħix il-fidi tiegħu. M’hemmx għalfejn tifhem minn xiex tkun għaddej, imma biżżejjed għalik li hemm Alla miegħek. Il-fiat ta’ Marija, l-iva tagħha, turina xi tfisser li tkun ubbidjenti u tafda f’Alla.
3: Luqa 1, 46-55 – Marija tfaħħar lil Alla
Imbagħad qalet Marija:
“Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej,
u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,
għax hu xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu.Iva, minn issa ’l quddiem kull nisel isejjaħli hienja,
għax is-setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar;
qaddis hu l-isem tiegħu.Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien
fuq dawk li jibżgħu minnu.
Hu wera l-qawwa ta’ driegħu,
xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom,
u għolla ċ-ċkejknin.
Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ,
u l-għonja bagħathom ’il barra b’xejn.Ħa ħsieb Iżrael qaddej tiegħu,
Luqa 1, 46-55
għax ftakar fil-ħniena tiegħu,
bħalma wiegħed lil missirijietna,
b’risq Abraham u nislu għal dejjem.”
F’din it-talba ta’ tifħir naraw kemm Marija kellha għarfien tal-Kelma u kienet qrib t’Alla. Fil-kantiku tagħha, Marija nisġet sentenzi mit-Testment l-Antik, għarfet kif japplikaw għailha, u offrithom f’talba ta’ tifħir lil Alla. Marija, turina li l-mistoqsijiet u l-iva għall-pjan t’Alla għalik, anke jekk mhux ċar, għandhom iwassluk biex tagħti glorja lilu u mhux biex tkun fiċ-ċentru int. Bir-raġun kollu San Ġirolmu seta’ jikteb: “Min ma jafx l-Iskrittura, ma jafx lil Kristu”. Marija hi tabilħaqq l-eżempju per eċċellenza.
4: Luqa 2, 48 – Preokkupazzjoni
Kif rawh, instamtu, u ommu qaltlu: “Ibni, dan għaliex għamiltilna hekk? Ara, missierek u jiena konna qegħdin infittxuk b’qalbna maqsuma!”
Luqa 2, 48
L-invokazzjoni ta’ Marija bil-kelma “ibni” lil Ġesù turina li l-preokkupazzjoni tagħha kienet il-ħajja ta’ Ġesù. Hi tkompli tixhed li fil-ħajja tad-dixxiplu, Ġesù għandu jkun iċ-ċentru.
5: Ġwanni 2, 3 – Marija Tinterċedi
Billi ma kienx fadal iżjed inbid, omm Ġesù qaltlu: “Ma għandhomx inbid.”
Ġwanni 2, 3
Għal bniedem Bibbliku, l-inbid jfisser il-ferħ. Bħalma Marija kienet pronta għall-bżonnijiet ta’ Eliżabetta meta saret taf li kienet tqila, Marija kienet pronta wkoll tinterċedi għall-għarajjes. L-istess aħna fil-ħajja tagħna rridu nkunu attenti għall-bżonnijiet ta’ dawk ta’ madwarna u ninterċedu b’kawtela u prudenza.
6: Ġwanni 2, 5 – Marija turina lil Ġesù
Omm Ġesù qalet lill-qaddejja: “Agħmlu kulma jgħidilkom hu.”
Ġwanni 2, 5
Bis-sitt kelma tagħha, Marija tistedinna biex nagħmlu dak kollu li jgħidilna Ġesù. B’dan, l-evanġelista Ġwanni jalludi mhux biss għall-kliem ta’ Ġesù imma anke għall-Patt t’Alla ma’ Iżrael fl-Ewwel Patt. Id-dixxiplu veru ta’ Ġesù ma jagħżilx dak li jaqbillu, imma jżomm sħiħ it-tagħlim kollu. Marija, kienet ċerta li Ġesù jgħin lil kull min hu miftuħ għall-grazzji tiegħu.
7: Ġwanni 19, 25-27 – Is-Silenzju ta’ Marija
Kien hemm wieqfa ħdejn is-salib ta’ Ġesù ommu, oħt ommu, Marija ta’ Kleofa, u Marija ta’ Magdala. Mela kif Ġesù lemaħ lil ommu u lid-dixxiplu li kien iħobb wieqaf ħdejha, qal lil ommu: “Mara, hawn hu ibnek.” Imbagħad qal lid-dixxiplu: “Hawn hi ommok.” U minn dak il-ħin id-dixxiplu ħadha għandu.
Ġwanni 19, 25-27
Is-seba’ kelma ta’ Marija taħt is-salib hija kelma siekta. Il-kelma “wieqfa” (verb attiv) tindika li Marija ma kienitx biss preżenti imma li kienet ukoll qed takkumpanja lil Ġesù fil-passjoni tiegħu. It-triq li timxi wara Ġesù u li tevanġelizzah mhix dejjem faċli. Fid-dlam tal-ħajja tagħna, Marija u Ġesù huma preżenti, anke jekk siekta!