2022/5 – Ġesù jfejjaq lil Bartimew l-agħma
Qari mill-Evaġelju skont San Mark
Mk 10, 46-52
U waslu Ġeriko. Hu u ħiereġ minn Ġeriko flimkien mad-dixxipli tiegħu u ma’ kotra kbira ta’ nies, kien hemm wieħed tallab agħma, jismu Bartimew, bin Timew, bilqiegħda mal-ġenb tat-triq. Dan, meta sama’ li kien Ġesù ta’ Nazaret, qabad jgħajjat u jgħid: “Ġesù, bin David, ikollok ħniena minni!” Kien hemm ħafna li bdew jgħajtu miegħu biex jiskot imma hu aktar beda jgħajjat: “Bin David, ikollok ħniena minni!” Ġesù waqaf u qal: “Sejħulu.” Huma sejħu l-agħma u qalulu: “Agħmel il-qalb! Qum, qiegħed isejjaħlek.” Dak tajjar il-mantar minn fuqu, qabeż fuq riġlejh u mar ħdejn Ġesù. U Ġesù kellmu u qallu: “Xi tridni nagħmillek?” “Li nerġa’ nara, Rabbuni,” wieġbu l-agħma. “Mur,” qallu Ġesù, “il-fidi tiegħek fejqitek.” U minnufih raġa’ beda jara, u baqa’ miexi warajh fit-triq.
Mużajk tas-6 seklu fil- Basilica di Sant’Apollinare Nuovo f’Ravenna
Riflessjoni
Illum qed nirriflettu dwar din il-ġrajja mill-ħajja ta’ Ġesù. Hi ġrajja li tagħtina ħafna tama u kuraġġ fil-ħajja spiritwali tagħna. Wara li qrajna u ddiskutejna l-iskema ppreparata lilna għal dan ix-xahar, ħa nieqfu ftit u nirriflettu dwar dawn il-ftit punti.
- “Ġesù, Bin David, ikollok ħniena minni!” Kienet talb li Ġesù ma setax iħalli tgħaddi. Sejjaħ lill-agħma lejh u fejqu. Ejja nagħmel din it-talba tiegħi, u nitlob lil Ġesù biex ikollu ħniena minni fil-bżonnijiet kollha tiegħi. Nitlob b’insistenza, sakemm inħoss li dan il-kliem isir tassew tiegħi. (Din it-talba hi talba li l-Ortodossi Nsara jitolbu l-ħin kollu! Ara iktar dwar dan fuq Wikipedia.
- Imbagħad Ġesù qallu: ‘Xi tridni nagħmellek?’ Bartimew kien jaf eżatt x’ried minn Ġesù. Jien għandi tweġiba ċara għal din il-mistoqsija? Forsi nemmen li m’għandi bżonn xejn, jew għandi bżonn tant affarijiet li nsibha diffiċli biex nagħti tweġiba ċara. Nitlob għal qalb sempliċi u ta’ fiduċja.
- Din l-istorja sabiħa ta’ fejqan tfakkarna fis-siltiet oħra dwar li nkunu persistenti (l-armla, il-ħabib li jfittex l-għajnuna f’nofs ta’lejl). Bartimew jippersisti, u jitfejjaq. U wara li jirċievi d-dawl, ‘baqa’ miexi wara Ġesù fit-triq’. Bartimew hu mudell ta’ dixxiplu. L-istorja tiegħu hija simili għal tiegħi?
- Fejn nidħol jien f’din l-istorja? Jien kuntent li nidħol mal-folla bil-burdata u r-reazzjonijiet differenti tagħha? Jew nista’ nara lili nnifsi nuri l-kuraġġ u l-persistenza ta’ Bartimew?
Għeluq
Agħmel ftit ħin ta’ riflessjoni fuq il-mistoqsijiet t’hawn fuq u itlob lil Mulej jagħtik il-kuraġġ tħares lejh u titolbu dak li bħal issa għandek bżonn.