GFN Maltese Spirituality Joseph D'Emanuele  

Riflessjoni dwar it-Talba tal-Missierna

Orjentament

Matul il-laqgħa tagħna flimkien ser nittrattaw it-talba tal-Missierna.  Hi talba li tgħallimniha meta konna żgħar u għadna ngħiduha kuljum.  Imma, kemm nieqfu u nirriflettu dwarha?  Dan hu li ser nagħmlu matul din il-laqgħa, flimkien sejrin nippruvaw nifhmu aħjar din it-talba hekk sempliċi u profonda.

Qari mill-Iskrittura

Qabel ma’ nibdew id-diskussjoni tagħna, ser naqraw il-ġrajja ta’ meta Ġesù għallem din it-talba lid-dixxipli tiegħu.

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa (11, 1-4)

Darba kien qiegħed xi mkien jitlob. Kif spiċċa mit-talb, wieħed mid-dixxipli tiegħu qallu: “Mulej, għallimna nitolbu, bħalma Ġwanni wkoll għallem lid-dixxipli tiegħu.” U qalilhom: “Meta titolbu, għidu, ‘Missier, jitqaddes ismek, tiġi Saltnatek. Ħobżna ta’ kuljum agħtina kuljum. U aħfrilna dnubietna, għax aħna wkoll naħfru lil kull min hu ħati għalina, u la ddaħħalniex fit-tiġrib.’ ”

Introduzzjoni

Introduzzjoni mill-Kompendju tal-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika

“Darba [Ġesù] kien qiegħed xi mkien jitlob. Kif spiċċa mit-talb, wieħed mid-dixxipli tiegħu qallu: “Mulej, għallimna nitolbu” (Lq 11, 1). Ġesù weġibhom billi għallimhom il-Missierna.

Id-dixxipli, li kienu midħla tat-talb Lhudi ta’ dak iż-żmien, kienu milquta bil-mod kif kien jitlob l-Imgħallem tagħhom. Ġesù, fil-fatt, kien f’talb kontinwu (ara Lq 5, 16). Il-waqtiet l-iktar important ta’ ħajtu huma kollha akkumpanjati bit-talb: Ġesù jitlob waqt il-magħmudija fil-Ġordan (Lq 3, 21); qabel ma jagħżel l-Appostli (Lq 6, 12); qabel it-trasfigurazzjoni (Lq 9, 28). Jitlob għall-fidi ta’ Pietru (Lq 22, 31-32) u għall-miġja ta’ l-Ispirtu s-Santu (Ġw 14, 15-17). Jitlob qabel il-qawmien mill-mewt ta’Lazzru (Ġw 11, 41) u għad-daħla messjanika f’Ġerusalemm (Ġw 12, 27). Jitlob lill-Missier waqt l-Aħħar Ċena għall-glorifikazzjoni tiegħu (Ġw 17, 1-5) u għad-dixxipli (Ġw 17, 6-19) u għal dawk kollha li jemmnu (Ġw 17, 20-26). Jitlob qabel il-passjoni (Lq 22, 39-46) u, fil-punt tal-mewt, jitlob għall-għedewwa tiegħu (Lq 23, 34).

It-talba ta’ Ġesù hi diretta lejn il-Missier fi djalogu ta’ ubbidjenza li tagħti ħajja lill-missjoni tiegħu: “L-ikel tiegħi hu li nagħmel ir-rieda ta’ min bagħatni u li nwassal fit-tmiem l-opra tiegħu.” (Ġw 4, 34).  Din l-għaqda intima mal-Missier hi għajn ta’ ferħ u tifħir: “Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art [….]. Kollox kien mogħti lili minn Missieri, u ħadd ma jagħraf lill-Missier jekk mhux l-Iben u dak li lilu l-Iben irid jgħarrafhulu” (Mt 11, 25.27).

It-talb lill-Missier kien in-nifs tal-ħajja tiegħu f’din id-dinja. Minkejja li ġie jgħammar fostna, Ġesù qatt ma tbiegħed mid-dar tal-Missier, jew aħjar mill-għaqda miegħu permezz tat-talb. Min-naħa l-oħra, però, din l-intimità bejn il-Missier u l-Iben saret mezz li qarrbet is-salvazzjoni u l-ħniena lill-ulied, sa l-ogħla sagrifiċċju fuq is-salib.

It-talba ta’ Ġesù tkompli sal-lum (ara Lhud 7,25). Fil-liturġija ewkaristika, Kristu l-Qassis il-Kbir joffri lill-Missier is-sagrifiċċju tiegħu tal-fidwa. Joffrih f’għaqda mal-ġisem tiegħu li hi l-Knisja. Kull talba tagħna titla’ lejn il-Missier “bi Kristu Sidna”. Hi din it-talba ta’ Kristu li ssostni kull talba tagħna, dawk tal-qalb u dawk tal-fomm. Meta l-Knisja titlob hu l-Iben li jgħannaq l-irkobbtejn tal-Missier. It-talb ta’ l-ulied jitla’ għand il-Missier permezz tal-vuċi tal-Iben il-waħdieni. L-idejn merfugħa ‘l fuq fit-talb ta’ invokazzjoni, fit-tifħir, fit-talb għal xi bżonn huma miljuni, iżda l-leħen hu wieħed, dak ta’ l-Iben.

Kelmtejn żgħar dwar it-talba

Nistgħu ngħidu li Ġesù f’din it-talba jagħmel summarju tal-Bxara t-Tajba kollha.  Fit-Tradizzjoni Kattolika nsibu tlett verżjonijiet ta’ din it-talba:

  1. Dik li qrajna fil-bidu tal-laqgħa, li nsibuha fl-Evanġelju skont San Luqa (Lq 11, 2-4).
  2. Il-verżjoni komuni, li nsibuha fl-Evanġelju skont San Mattew (Mt 6, 9-13). Hawn tajjeb li nsemmu li din il-verżjoni hi l-formula użata mill-Knejjes kollha sa mill-bidu tal-Kristjaneżmu. [1]
  3. U l-itwal verżjoni li hi simili ħafna ta’ dik ta’ San Mattew [2], imma tispiċċa bid-dossoloġija (jiġifieri tifħir u glorja lil Alla) “għax tiegħek hi s-setgħa u l-glorja għal dejjem.” [3] Din il-verżjoni tat-talba nsibuha fid-Didachè (ġabra tat-tagħlim tat-tnax-il Appostlu).

Sa mill-bidu tal-Kristjaneżmu nsibu diversi kitbiet dwar din it-talba, fosthom minn Sant’ Ambroġju li jgħid li din it-talba hi orazzjoni qasira imma mimlija b’kull virtù.[4] San Tumas t’Akwinu jikteb li din it-talba hi talba perfettissima.[5] Aktar riċenti il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika jirreferi għal din it-talba bħala “t-talba per eċċellenza tal-Knisja. (KKK 2776)” It-talba għandha struttura sempliċi ħafna.  Fil-bidu nsibu nvokazzjoni għal Missier u wara jsegwu ħames, skont Luqa, jew seba’ fil-verżjoni ta’ Mattew, petizzjonijiet.  Awturi kontemporanji, bħal Ronald Meynet, jattribwixxi s-seba’ petizzjonijiet, talbiet, mal-menorah, il-kandelabru b’seba’ idejn li hu dejjem mixgħul quddiem il-Mulej.[6]

Andrew Murray, fil-ktieb tiegħu Lord, Teach us to Pray, jargumenta li fiċ-ċentru tal-ministeru tiegħu, Ġesù għamel enfasi dwar it-talb u l-importanza li d-dixxiplu jkun jaf jikkomunika sew m’Alla kemm fil-kliem li jgħid, il-kontenut, kif ukoll fl-attitudni.[7] Hu josserva li Ġesù qatt ma’ jgħallem lid-dixxipli tiegħu kif jippridkaw, imma agħmel emfasi kbira fuq it-talb u kif jitolbu.

Issa, wara li tajna ħarsa ġenerali tat-talba, ser naqbdu l-petizzjonijiet li jagħmlu din it-talba u nidħlu ftit fil-fond dwar kull waħda minnhom.  Ser naraw kif din it-talba hi minsuġa fit-tagħlim u l-fatti ta’ Ġesù.

Missierna li inti fis-smewwiet

It-talba tibda b’invokazzjoni qawwija lejn Alla.  Għal żmien Ġesù, li tindirizza lil Alla bħala Missier kienet xi ħaġa ġdida.  Fl-Antik Testment, ir-referenza lejn Alla bħala missier hi marbuta mal-fatt li Alla hu Missier il-poplu t’Iżrael iktar milli għar-relazzjoni paterna, bħal dik bejn il-ġenitur u l-ulied. Jekk aħna ċerti fuq xi kliem li qal Ġesù, li huma ftit ħafna,[8] nistgħu inkunu ċerti li rrefera lejn Alla bħala Abba (Missier) jew Abinu (Missierna).  Bl-ilsien Aramajk, il-kelma Abba tintuża mit-tfal biex ifissru missier maħbub, bħal meta ngħidu daddy minflok father. Fil-kuntest tat-talba, il-kelma Abba turi fiduċja u sempliċità fir-relazzjoni u l-attitudni li wieħed irid ikollu lejn Alla fit-talb tiegħu. 

Il-kelma Missierna tistabbilixxi mhux biss relazzjoni vertikali m’Alla, imma tistabbilixxi relazzjoni orizzontali ma’ kull min jistqarr l-istess talba.  La darba kull min itenn din it-talba qiegħed jagħraf lil Alla bħala Missier, allura jkunu qed jagħrfu lil xulxin bħala aħwa.  Kemm jagħmel sens iktar il-kliem ta’ San Ġwann fl-ittra tiegħu meta jgħid “Jekk xi ħadd jgħid: ‘Jiena nħobb ‘l Alla’, u jobgħod lil ħuh, dan ikun giddieb”! (1 Ġw 4, 20)

Punt ieħor ta’ min jinnota hu li din l-invokazzjoni tfakkarna li aħna m’aħniex waħidna, iżolati, imma mseħbin fil-Knisja, il-familja ta’ Ġesù l-Iben t’Alla.  Il-Papa Benedittu xvi jgħidilna li l-kelma Missier fl-ewwel persuna plural trid iġġelna noħorġu miċ-ċirku ndividwali u nissieħbu fil-kommunjoni wiesgħa ta’ wlied Alla.  Meta aħna qed intennu li Alla hu l-Missier tagħna, aħna nkunu qed ngħidu iva għal-Knisja ħajja li l-Mulej Ġesù ried iwaqqaf bħala familja ġdida.

Xi jfisser li Alla qiegħed fis-smewwiet?

Diskussjoni qasira

Wara li nsejħu lil Missier tagħna, nikkwalifikaw liema missier qed nitolbu.  Aħna kollha għandna missier karnali, imma t-talba tagħna hi ndirizzata lil Missier li qiegħed fis-smewwiet.  Iktar il-quddiem, it-talba tkompli billi nistaqsu lill-Missier tagħna biex jagħtina dak li hu tajjeb għalina.  Tajjeb li nsemmu li sabiex xi ħadd ikun jista’ jagħti xi ħaġa, irid ikun hemm żewġ elementi preżenti – irid ikollu r-rieda li jagħti u jrid ikollu l-qawwa/is-setgħa.  Ġesù jiżgurana li l-Missier li qed nitolbu għandu dawn il-fakultajiet.  Ir-rieda qegħda fl-elementi tal-missier maħbub, li bħal kull missier ta’ rieda tajba jrid jagħti dak li hu tajjeb lil uliedu, u s-setgħa qegħda għax hu hu fis-smewwiet.  Allura xi jfisser dan kollu? Mill-Iskrittura nistgħu nisiltu dawn il-kwalitajiet ta’ Alla tagħna:

  1. Alla setgħan u jiddomina fuq kollox (ara  2 Kron 10, 6; S 103, 19).
  2. Alla li hu b’saħħtu u jagħti iktar milli nitolbu jew nixtiequ (ara S 115).
  3. Alla li jieħu ħsieb il-poplu tiegħu (ara S 11, 4).
  4. Alla Qaddis u ta’ kompassjoni (ara Is 57, 15).

Fi ftit kliem nistgħu ngħidu li l-ewwel invokazzjoni tat-talba tal-Missierna tgħallimna li:

  1. “Alla huwa spirtu, u dawk li jadurawh għandhom jadurawh fl-ispirtu u l-verità (ara Ġw 4, 24).”
  2. Alla hu Missierna.
  3. Alla mhux biss għandu l-karatteristiċi ta’ missier maħbub imma minħabba li hu fis-smewwiet, għamilna werrieta tas-sema.
  4. Alla hu missier ta’ kullħadd.
  5. Alla mhux biss iħobbna u jindukrana fuq din l-art imma wkoll jridna nosservaw il-mistrieħ fil-festa tal-Ħadd (ara Lhud 4, 9).

Jitqaddes Ismek

X’jgħid it-tagħlim tal-Knisja dwar dan?

It-tqaddis ta’ l-Isem ta’ Alla hu fuq kollox att ta’ qima li bih tagħraf lil Alla bħala Qaddis. Fil-fatt, Alla rrivela l-isem qaddis tiegħu lil Mosè u ried li l-poplu tiegħu jkun ikkonsagrat bħala ġens qaddis li fih hu jgħammar. (KKKK 588. Ara KKK 2807-2812, 2858.)

It-tqaddis ta’ Isem Alla li sejħilna “fil-qdusija” (1 Tess 4, 7) jseħħ fix-xewqa li nżommu ħajja l-konsagrazzjoni tal-magħmudija matul ħajjitna kollha. Barra minn hekk, mill-mod kif ngħixu u nitolbu jiddependi kemm l-isem ta’ Alla jkun magħruf u mqaddes mill-bnedmin kollha. (KKKK 589. Ara KKK 2813-2815.)

Wara l-invokazzjoni għal Missier, insibu tlett rikjesti, talbiet, li jirrigwardjaw lil Alla u l-intervent tiegħu fl-istorja.  L-ewwel waħda hi dik li jitqaddes ismu (Mt 6, 9; Lq 11, 2). Illum tlifna ftit mis-sens ta’ din l-espressjoni.  Kieku kellna ngħidu din l-espressjoni bil-kliem li nużaq illum, ngħidu: “agħmel li d-dinja kollha tagħrfek bħala Alla.” 

Ġesù jitkellem ukoll dwar l-Isem t’Alla, li fil-kuntest tal-Bibbja jfisser l-identità tal-persuna, jiġifieri, kif wieħed jiġi rikonoxxut, il-verità assoluta dwar il-persuna.  Alla rrivela l-isem tiegħu lil Mose, b’mod misterjuż: “JIEN LI JIEN” (Eż 3, 14). Minn dak il-ħin, dak l-Isem beda jesprimi l’Alla ħaj, il-Preżenza tiegħu fost il-poplu, minajr ma’ ħadd jista’ jarah, “għax ebda bniedem ma jarani u jibqa’ ħaj (Eż 33, 20).”  L-Isem t’Alla, miġbur fit-tetragramma JHWH għadu sal-llum ma jiġix imlissen,[9] xiehda ta’ kemm hu kbir Alla li lanqas jisħoqilna ngħidu ismu.

Fil-lingwaġġ Bibliku, il-qdusija t’Alla hi riferuta wkoll bħala glorja.  Glorja, mhux fis-sens ta’ adorazzjoni imma fis-sens tal-qawwa t’Alla fl-istorja tal-bniedem (Ara Eż 33, 18; S 4, 7; 31, 17; 67, 2; 80, 4.8.20; 119, 135; Ġw 12, 28; 17, 5.17.19).

Allura, nistgħu ngħidu li meta qed ngħidu t-talba tal-Missierna qed nitolbu biex Alla jiġi mgħarraf lill-bnedmin kollha u biex hu jkun li jiddomina l-istorja tad-dinja.

Tiġi Saltnatek

X’titlob il-Knisja meta tgħid “Tiġi Saltnatek”? (Mill-KKKK 590. Ara KKK 2816-2821, 2859.)

Il-Knisja titlob għall-miġja ta’ l-aħħar tas-Saltna ta’ Alla meta Kristu jerġa’ jiġi fil-glorja kollha tiegħu. Iżda l-Knisja titlob ukoll sabiex is-Saltna t’Alla tikber minn issa stess permezz tal-qdusija tal-bnedmin fl-Ispirtu, u minħabba l-ħidma tagħhom, bis-servizz lejn il-ġustizzja u l-paċi, skond il-Beatitudnijiet. Din it-talba hi l-għajta ta’ l-Ispirtu u ta’ l-Għarusa: “Ejja, Mulej Ġesù!” (Apok  22, 20).

Din it-talba lejn Alla biex is-saltna tiegħu tiġi fid-dinja mhix kumbinazzjoni li qegħda fiċ-ċentru ta’ l-ewwel tlett talbiet.  Din il-pożizzjoni turi l-importanza tagħha.  Tajjeb li nsemmu wkoll li fiċ-ċentru tal-missjoni ta’ Ġesù kien hemm it-tħabbira tas-Saltna t’Alla (Mk 1, 14-15).

Xi jfisser li titlob biex tiġi s-Saltna t’Alla fid-dinja?  Alla mhux diġà ġie fid-dinja fil-persuna umana ta’ Ġesù?

Diskussjoni qasira

Li titlob li tiġi s-Saltna t’Alla jfisser li rridu li l-ewwel nett, Alla jgħammar fil-persuna tagħna, u f’dik ta’ l-oħrajn.  Irridu niftakru li s-Saltna t’Alla mhix xi saltna bħal tar-rejiet fuq l-art, imma hija stil ta’ ħajja kif urina Ġesù.  Kif nidentifikaw persuna li qed tipprova tgħix s-Saltna t’Alla?

  • Tkun għatxana għal Alla l-ħaj (ara S 42, 3).  Tagħmel minn kollox biex l-għemil tagħha jkun koorenti ma’ dak ta’ Ġesù.  Taħdem fl-għalqa tal-Mulej u tistinka biex tkabbar l-għarfien t’Alla lill-oħrajn.
  • Min jagħraf li l-imħabba t’Alla hi akbar minn kull dnub – tersaq b’umiltà u b’sinċerità lejn is-sagramenti tal-qrar u tqarbin.
  • Min qiegħed f’pellegrinaġġ lejn l-art il-ġdida (ara 2 Pt 3, 13; Apk 21, 3).

Pawsa qasira biex nirriflettu fuq l-aħħar tlett punti fil-ħajja tagħna.

Ikun dak li trid int kemm fis-sema hekkda fl-art

Għaliex nitolbu: “Ikun li trid Int kif fis-sema u hekkda fl-art”? (Mill-KKKK 591. Ara KKK 2822-2827, 2860.)

Ir-rieda tal-Missier hi li “l-bnedmin kollha jsalvaw” (1 Tim  2:4). Għalhekk ġie Ġesù: biex isseħħ u sseħħ darba għal dejjem ir-rieda salvifika tal-Missier. Aħna nitolbu lil Alla l-Missier biex ngħaqqdu r-rieda tagħna mar-rieda ta’ Ibnu, fuq l-eżempju ta’ Marija Santissima u l-Qaddisin. Nitolbuh biex il-pjan tiegħu jseħħ sa l-aħħar fuq l-art kif diġa’ seħħ fis-sema. Hu permezz tat-talb li jirnexxilna “nagħrfu x’inhi r-rieda ta’ Alla” (Rum 12:2) u niksbu “s-sabar biex nagħmlu r-rieda ta’ Alla” (Lhud 10:36).

“Ikun dak li trid int kemm fis-sema hekkda fl-art” hi l-aħħar petizzjoni indirizzata lil Alla nnifsu (Mt 6, 10). Din kienet it-talba ta’ Ġesù fis-siegħa ta’ l-agunija tiegħu fil-Ġetsemani: “Missier, jekk inti trid, warrab minni dan il-kalċi! Iżda tkun magħmula r-rieda tiegħek, u mhux tiegħi (Lq 22, 42).” Ġesù xtaq li jkompli jgħallem lill-bnedmin u li jibqa’ fidil għar-rieda tal-Missier mingħajr ma’ jgħaddi mill-passjoni.  Madankollu, Ġesù għadda mill-mewt tas-salib: Ġesù kellu żewġ toroq, jew jaċċetta li jkun vittma fost il-vittmi ta’ l-istorja, jew jitpoġġa fl-art il-ħżiena.  Għalhekk, jekk il-mewt ta’ Ġesù kienet ġejja mir-rieda tal-bniedem ħażin u inevitabbli sabiex Hu jibqa’ fidil lejn Alla, hawn aħna nifhmu t-talba “tkun magħmula r-rieda tiegħek.” Ġesù talab biex ikollu l-qawwa li jasal sa l-aħħar biex isseħħ ir-rieda ta’ Alla l-Missier maħbub, li jkun ubbidjenti anke billi jħallas bil-mewt tiegħu fuq is-salib (ara Fil 2, 8).

Ġesù priedka t-tema tar-rieda tal-Missier diversi drabi.  Biżżejjed insemmu t-twissija tiegħu: “Mhux kull min jgħidli, ‘Mulej, Mulej’, jidħol fis-Saltna tas-Smewwiet, iżda min jagħmel ir-rieda ta’ Missieri li hu fis-smewwiet!” (Mt 7, 21) Diġà tkellimna dwar is-Saltna t’Alla, li tiġi meta r-rieda t’Alla ssir parti mill-istorja, riflessa fil-ħajja tagħna.  L-intenzjonijiet tajba u l-ubbidjenza formali mhumiex biżżejjed biex jissodisfaw r-rieda tal-Missier. Fil-ġurnata tal-ġudizzju se jidher ċar min ikun wettaq r-rieda t’Alla jew min ikun għex b’ “qalb doppja, (S 12, 3)” dak li għex fl-ipokresija u wera wiċċ b’ieħor biex juri lil ta’ madwaru li qiegħed jgħix tajjeb.

Għalina l-Insara għandhom nużaw din it-talba bħala strument kontra l-ġlieda li qed ittellifna milli nagħmlu r-rieda t’Alla, ir-rieda tas-salvazzjoni għall-bnedmin kollha (ara 1 Tim 2, 4). Din it-talba mhix faċli li nattwawha.  Nistgħu ngħidu li qed nagħmlu r-rieda t’Alla biss wara ġlieda twila fil-konfrontazzjoni bejn il-ħsibijiet tagħna u dawk t’Alla, li huma tant opposti minn xulxin (ara Is 55, 8-9)!  Hija taqbida propja u vera,(ara Lq 22, 44) iżda Alla ma jħalliniex waħidna.  Hu jibgħatilna l-Ispirtu s-Santu biex jgħina narfu dawn is-sitwazzjonijiet u ngħażlu r-rieda t’Alla l-Missier.  Imbagħad it-taqbida ssir misteru, is-sagrifiċċju jsir meħtieġ għall-imħabba vera, u allura nistgħu nitolbu fil-verità: “meta kollox ikun imqiegħed taħtu, mbagħad l-Iben stess jitqiegħed taħt Alla li jkun qegħedlu kollox taħtu, sabiex Alla jkun kollox f’kollox (1 Kor 15, 28).”

Ħobżna ta’ kulljum agħtina llum

Xi tfisser it-talba: “Hobżna ta’ kuljum agħtina llum”? (Mill-KKKK 592. Ara KKK 2828-2834, 2861.)

Nitolbu lil Alla, b’fiduċja ta’ l-ulied, l-ikel meħtieġ ta’ kuljum biex kulħadd ikollu l-ħajja, waqt li nagħrfu kemm Alla l-Missier hu tajjeb u ‘l fuq minn kull ħaġa tajba. Nitolbu anki l-grazzja biex nagħrfu kif se nġibu ruħna għax il-ġustizzja u t-tqassim tal-ġid iwasslu biex iż-żejjed ta’ xi wħud jgħin għan-nuqqas ta’ l-oħrajn.

Fil-qalba tal-Missierna hemm it-talba għal dak li għandna bżonn, espressa b’kunfidenza lejn il-Missier: “Ħobżna ta’ kulljum agħtina llum (Mt 6, 11; ara wkoll Lq 11, 3).”  Wara tlett talbiet kbar għal Alla nnifsu, hawnhekk insibu talba sempliċi ħafna. Tissorprendina l-umiltà ta’ din il-petizzjoni, meta mqabbla mal-kobor ta’ l-oħrajn. Enzio Bianchi hu tal-fehma li hi propju din il-petizzjoni li ddawwal il-petizzjonijiet l-oħra, għaliex turi s-sovranità t’Alla u li n-Nisrani jemmen li dak kollu li ser jirċievi ġej minn Alla.[10] Allura x’inhi l-ħobżna ta’ kuljum?

Diskussjoni qasira

Għandna diffikultà nifhmu l-aġġettiv, epioúsios, miktub fit-test oriġinali.  Oriġine jgħid li dan l-aġġettiv mhu użat mill-ebda’ kittieb Grieg jew filosofu ieħor.  Lanqas kien xi aġġettiv li kien jintuża mill-poplu, imma qisu aġġettiv ivvintat mill-evanġelisti.[11] Ma nistgħux inkunu ċerti x’qed jirreferu bl-eżatt, imma nistgħu nkunu żguri li din li qed nitolbu tista’ tieħu żewġ interpretazzjonijiet: l-ewwel dik tal-ħobż essenzjali, neċessarju għal-għejxien, u t-tieni, il-ħobż tas-sema, neċessarju għal ħajja eterna.

X’inhi t-tifsira nisranija ta’ din il-petizzjoni? (Mill-KKKK 593. Ara KKK 2835-2837, 2861.)

Peress li “l-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix, iżda b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla” (Mt 4:4), din it-talba tiswa wkoll għall-ġuħ tal-Kelma t’Alla kif ukoll għall-Ġisem ta’ Kristu, li jingħata fl-Ewkaristija, kif ukoll il-ġuħ għall-Ispirtu s-Santu. Aħna nitolbuh dan b’fiduċja bla qjies, għal-lum, l-illum ta’ Alla, u dan jiġi mogħti lilna l-iktar fl-Ewkaristija, li fiha nduqu minn qabel l-ikla tas-saltna tas-sema l-għad trid tiġi.

Aħfrilna dnubietna bħal ma’ naħfru lil min hu ħati għalina

Għaliex ngħidu: “Aħfrilna dnubietna bħalma naħfru lil min hu ħati għalina”? (Mill-KKKK 594. Ara KKK 2838-2839, 2862.)

Waqt li nitolbu lil Alla l-Missier biex jaħfrilna, aħna nagħrfu quddiemu li aħna midinbin. Iżda nistqarru fl-istess waqt il-ħniena kbira ta’ Alla, għax, f’Ibnu stess u permezz tas-Sagramenti, “għandna l-fidwa, il-maħfra tad-dnubiet” (Kol 1, 14). It-talba tagħna, madanakollu, tiġi mismugħa biss jekk aħna, l-ewwel, naħfru lil min hu ħati għalina.

Kif inhi possibbli l-maħfra? (Mill-KKKK 595. Ara KKK 2840-2845, 2862.)

Il-ħniena tidħol f’qalbna biss jekk aħna nkunu saħansitra lill-għedewwa tagħna. Issa, anki jekk għall-bniedem dan jidher impossibbli li jitwettaq, il-qalb li toffri lilha nnifisha lill-Ispirtu s-Santu tista’, bħal Kristu, tħobb sa l-aħħar, tbiddel l-offiża f’mogħdrija u l-offiża f’talba. Il-maħfra, li tieħu l-qawwa tagħha mill-ħniena ta’ Alla, hi fil-quċċata tat-talba nisranija.

Fit-test oriġinali, u anke f’xi traduzzjonijiet, hemm differenza fil-formulazzjoni ta’ din il-petizzjoni.  Mattew jużu l-kelma ‘djun’, filwaqt li Luqa juża l-kelma aktar teoloġika ‘dnubiet.’  Minkejja din id-differenza, il-kontenut jibqa’ l-istess: talba lil Alla għall-maħfra.  Għaliex qed ngħidu dan?  Din id-differenza qed nagħmluha biex wieħed ma jitfixkilx meta jaqra l-Bibbja u f’xi verżjonijiet isib differenza fil-kliem u f’oħrajn ma jsibx.  Per eżempju, il-Bibbja bil-Malti ma tagħmilx differenza f’dawn iż-żewġ każi.[12]

In-Nisrani hu persuna li ħa deċiżjoni biex jitlaq l-idoli u jaqdi lil Alla (ara 1 Tess 1, 9).  Imma, f’din il-mixja lejn l’Assolut, fil-mixja tiegħu lejn il-Missier, qatt ma jasal darba għal dejjem: kull jum irid iġġedded il-konverżjoni tiegħu u jissara kontra dnub li huwa dejjem f’kontradizzjoni ma’ l-imħabba. F’dan it-taħbit kuljum jiskopri id-djun tiegħu – magħmula mill-ħsibijiet, kliem, u mill-azzjonijiet li wieħed jagħmel kontra ħutu jew mill-ommissjonijiet li kien dovut jagħmel lejhom. Hu għalhekk li Ġesù jgħallimna li għandna nitolbu lil Alla jaħfrilna dnubietna: bil-maħfra u bl-imħabba t’Alla biss nistgħu nerġgħu lura fit-triq it-tajba (ara l-parabbola ta’ l-iben il-ħali Lq 15, 11-32). Allura nistgħu nikkonkludu li, li titlob maħfra l’Alla jfisser li nitolbuh joħloq fina qalb safja (ara S 51, 12), li nbiddlu l-ebusija ta’ qlubna (ara Eżk 36, 26), u nagħtu lura l-ħsibijiet u l-qlub tagħna lil Alla (ara Ġoel 2, 12-13).

Iżda rridu nosservaw li l-maħfra li qed nitolbu lil Alla hi kkundizzjonata mill-maħfra tagħna lill-oħrajn, lill-aħwa: “bħal ma’ naħfru lil min hu ħati għalina.”  Ċertament li l-maħfra t’Alla tippreċedi l-maħfra tagħna lejn l-aħwa, iżda hija propju l-maħfra tagħna lill-oħrajn li tiftaħna għall-maħfra t’Alla. Ġesù huwa ċar ħafna f’dan ir-rigward, bħal ma juri l-kumment ta’ Ġesù wara t-talba tal-Missierna: “Għax jekk intom taħfru lill-bnedmin il-ħtijiet tagħhom, Missierkom li hu fis-smewwiet jaħfer lilkom ukoll.  Imma jekk intom ma taħfrux lill-bnedmin il-ħtijiet tagħhom, anqas Missierkom ma jaħfer il-ħtijiet tagħkom” (Mt 6, 14-15. Ara wkoll Mt 18, 35).

Ġesù hawn qiegħed jagħtina xi elementi kif irid ikun id-dixxiplu tiegħu:

  • Jaħfer lill-oħrajn qabel ma’ jibda jitlob (ara Mk 11, 25), qabel ma jtella l-offerti fuq l-altar (ara Mt 5, 23).
  • Jaħfer “sebgħa u sebgħin darba (Mt 18, 22)“.
  • Jaħfer sakemm iħobb, tagħmel il-ġid u titlob lil dawn li għamlulek il-ħsara! (Ara Mt 5, 38-48, Lq 6, 27-36).

Huwa b’dan il-mod biss li n-Nisrani jitqaddes, ikollu l-ħniena (ara Mt 5, 7), u jkun wild ta’ “l-Alla l-Għoli, li hu tajjeb ma’ l-ingrati u l-ħżiena” (Lq 6, 35).

La ddaħħalniex fit-tiġrib

Xi tfisser: “La ddaħħalniex fit-tiġrib”? (Mill-KKKK 596. Ara KKK 2846-2849, 2863.)

Aħna nitolbu lil Alla l-Missier biex ma jħalliniex waħidna f’ħalq it-tentazzjoni. Nitolbu l-għajnuna ta’ l-Ispirtu għad-dixxerniment, minn naħa, bejn il-prova meħtieġa biex il-bniedem jikber fit-tajjeb u t-tentazzjoni li twassal għad-dnub u għall-mewt, u min-naħa l-oħra, bejn li nkunu mġarrbin u li naċċettaw it-tentazzjoni. Din it-talba tgħaqqadna ma’Ġesù li rebaħ it-tentazzjoni bit-talb. Nitolbu wkoll il-grazzja li nishru dejjem u li niksbu l-perseveranza ta’ l-aħħar.

Is-sitt petizzjoni skont Matthew, l-aħħar f’Luqa, hija l-unika waħda fformulata fin-negattiv: “la ddaħħalniex fit-tiġrib”(Mt 6, 13; Lq 11, 4). Ta’ min wieħed jgħid li din l-invokazzjoni ma kelliex tifsira minn dejjem adegwata, minħabba li fiha jinsab ir-riskju li wieħed jifhem li Alla huwa l-awtur tat-tentazzjoni.  Dan mhux minnu, Alla ma jittanta lil ħadd. Ġakbu, fl-ittra tiegħu jgħidilna:

Waqt li tkunu mġarrbin, araw li ħadd ma jgħid: “Alla qiegħed iġarrabni” għax Alla ma jistax jiġġarrab għall-ħażin, u anqas m’hu se jġarrab lil ħadd. Għax kull bniedem imġarrab jinġibed u jitħajjar mill-passjoni tiegħu stess. Mbagħad il-passjoni, meta tnissel, tiled id-dnub; u d-dnub, meta jilħaq il-milja tiegħu, iġib il-mewt. (Ġak 1, 13-15.)

Fi kliem ieħor, din it-talba nistgħu ngħiduha: “tħalliniex naqgħu fit-tiġrib, t’abbandunaniex fit-tentazzjoni, tħalliniex inċedu fiż-żmien tal-prova…” [13]

Id-dixxiplu – Ġesù jwissi – għandu jishar u jitlob biex ma jaqax fit-tiġrib,[14] jitlob għall-għajnuna u l-protezzjoni tal-Mulej fi żminijiet ta’ prova. Il-ħajja tal-bniedem fuq l-art hija prova (ara Ġob 7, 1),  il-ħin kollu jiġi ttantat biex jikkontradixxi l-imħabba t’Alla. It-tentazzjoni hija parti mill-vjaġġ tagħna wara Ġesù, fil-fatt, fil-jiem tal-ħajja tiegħu fuq l-art Hu għadda minn provi bħal dawn u bata minħabba l-inġustizzja tal-ħażin u l-ubbidjenza tiegħu lejn il-Missier (Ara l-Ittra lil-Lhud 4, 15; 5, 7-9). Għalhekk, meta aħna niġu miġbuda lejn allat foloz, meta nibdew nagħtu ħafna raġunijiet biex ma nisimgħux il-Kelma t’Alla fina, meta nibdew nibżgħu mit-tbatija li naraw fix-xefaq ta’ ħajjitna minħabba l-fidi Kattolika tagħna, hawn aktar minn qatt qabel għandna bżonn li nħossu l-Mulej Ġesù qrib tagħna. Hu jissielet ħdejna u fina kontra l-ħażen, u jitlobna biex nagħmlu l-ġlieda tiegħu tagħna.

Minbarra t-tentazzjonijiet ta’ kuljum hemm ukoll il-prova l-kbira, dik tal-fidi. Kemm hu worth it li nimxi wara Ġesù? Alla hu magħna jew le?  Għaliex il-problemi fil-familja? Jiġina elf dubju.  Anki f’dawn il-mumenti għandna bżonn li nitolbu biex ma nintilfux, għax inkella nitħawdu u ninfixklu: “Fik, Mulej, jien nistkenn; ma jkolli qatt għax ninfixel (S 71, 1).”

Fil-qalb tagħna jgħixu flimkien il-fidi u x-xettiċiżmu (jew aħjar nuqqas ta’ twemmin). L-importanti hu li ma nibqgħux assenti quddiem it-tentazzjoni, imma niġġildulha, għax inkella nkunu diġà tlifna. Irridu nkunu dejjem lesti għall-ġlieda kontra t-tentazzjoni, nafdaw f’għajnuna t’Alla u nitolbuh jeħlisna mit-tiġrib, biex nevitaw li nċedu għalih (għat-tiġrib).

Nieqfu ftit u naħsbu fuq dak li smajna.

Eħlisna mid-deni

Għaliex nispiċċaw billi nitolbu: “Eħlisna mid-Deni”? (Mill-KKKK 597. Ara KKK 2850-2854, 2864.)

Id-Deni hu persuna – ix-Xitan, li jeħodha kontra Alla u li hu “l-qarrieq tad-dinja kollha” (Apok  12, 9). Ir-rebħa fuq ix-xitan diġà nkisbet fi Kristu. Iżda aħna nitolbu sabiex il-familja tal-bnedmin tkun meħlusa mix-Xitan u mill-opri tiegħu. Nitolbu wkoll għad-don għażiż tal-paċi u tal-grazzja ta’ l-istennija perseveranti tal-miġja ta’ Kristu, li teħlisna darba għal dejjem mill-Ħażin.

Fl-aħħar talba tal-Missierna nitlobu biex niġu meħlusa mil-ħażen jew mix-Xitan.  Iż-żewġ traduzzjonijiet mit-test oriġinali huma possibbli, anki jekk fil-kuntest Bibbliku ta’ l-aħħar tagħmel iktar sens.  Alla tagħna hu Alla Salvatur, li jsalva u jillibera, għalhekk għandu seta’ biex jilliberana mix-Xitan.  Dan narawh ċar fis-Salmi: “Dur lejja, Mulej, u eħlisni; salvani f’ġieħ it-tjieba tiegħek” (S 6, 5) u “Mulej, Alla tiegħi, fik il-kenn tiegħi; salvani minn kull min iħabbatni, u eħlisni…(S 7, 2)”

Bħall-petizzjoni ta’ qabilha, din it-talba tintiseġ ma’ dik ta’ Ġesù, u din isserrħilna moħħna – il-konsolazzjoni u l-qawwa tagħna.  Ġesù nnifsu talab lil Alla biex jieħu ħsieb id-dixxipli tiegħu: “Ma nitolbokx li twarrabhom mid-dinja, imma li tħarishom mill-Ħażin” (Ġw 17, 15). L-istess  talab għal Pietru: “Xmun! Xmun! Ara, ix-Xitan riedkom f’idejh biex jgħaddikom mill-għarbiel bħall-qamħ; imma jien tlabt għalik, biex il-fidi tiegħek ma tiġix nieqsa”(Lq 22, 31-32). Iva, Ġesù jiġġieled għalina fil-ġlieda tagħna kontra x-xitan u l-ħażen, u b’fiduċja sħiħa rridu ngħidulu bħas-Salmista biex “fil-ġlieda tiegħi kun int li tiġġieled għalija.”[15]

Ġesù niżel fil-qalba ta’ l-art, qalb l-imwiet (ara 1 Pt 3, 19; Mt 12, 40), il-post fejn Satana jattakka bl-akbar forza tiegħu.  Ġesù niżel hemm biex iħaddanna miegħu u jqiegħed il-karba tagħna fit-talba tiegħu lejn il-Missier.  Għalkemm “il-Prinċep ta’ din id-dinja”(Ara Ġw 12, 31; 14, 30; 16, 11) qatt ma jorqod, qiegħed f’azzjoni l-ħin kollu, jara kif ser ifixkilna mill-mixja tagħna wara Ġesù, aħna nafu li hu ġie megħlub minn Ġesù (ara  Lq 10, 18; Ġw 12, 31).  Ġesù stess qalilna li “fid-dinja tbatu jkollkom.  Iżda Agħmlu l-qalb: jiena rbaħt id-dinja!” (Ġw 16, 33).  It-tama tagħna hija li ġurnata waħda ser nisimgħu il-kliem tad-dixxiplu l-maħbub li tenna għall-komunità tiegħu: “Qiegħed nikteb lilkom… għax intom għelibtu il-Ħażin” (1 Ġw 2, 13). Fil-mixja tagħna wara Kristu, bl-għajnuna tiegħu, anki aħna nistgħu ngħelbu l-ħażin, issa u mbagħad fil-ħajja ta’ dejjem!

Għeluq

Biex nagħlqu l-laqgħa tagħna ser naraw xi tfisser l-Amen ta’ l-aħħar? (Mill-KKKK 598. Ara KKK 2855-2856, 2865 u KKK 1062.)

 “Meta ttemm it-talba inti tgħid ‘Ammen’, u b’dan l-Ammen, li jfisser ‘Hekk ikun’, inti twettaq it-talba li għallimna l-Mulej”  (San Ċirillu ta’ Ġerusalemm).

Bil-Lhudi “Ammen” għandha l-istess għerq tal-kelma “Nemmen”. Dan l-għerq jesprimi solidità, affidabiltà, fedeltà. B’hekk nifhmu għaliex il-kelma “Ammen” tesprimi kemm il-fedeltà ta’ Alla magħna kif ukoll il-fiduċja tagħna fih.

Għalhekk meta aħna nkunu qed ngħidu t-talba tal-Missierna nkunu qed ngħidu dan kollu u nikkonfermaw li nemmnu f’dak li nkunu kif għidna.

Kelma ta’ l-aħħar

Nittamaw li dawn il-ftit riflessjonijiet ikunu ta’ għajnuna għal-familji tagħna biex nifhmu iktar il-Bxara t-Tajba u nidqaddsu.


Referenzi

[1] Ara Enzo Bianchi, Il Padre nostro. Compendio di tutto il Vangelo, San Paolo, Milan 2008, 13.

[2] Biex inkunu preċiżi, hemm żewġ differenzi żgħar li huma insinifikaniti: il-forom singulari “tas-sema” u “aħfrilna dnubna” minflok il-forma fil-plural tat-terminu korrispondenti.

[3] Didachè 8, 2.

[4] Ara AMBROGIO, I sacramenti V, 4, 18.

[5] Għal aktar tagħrif dwar is-suġġett ara TUMAS T’AKWINU, Somma teologica, II-II, q. 83

[6] Dwar il-kandelabru fit-Tempju ara Eż 25, 31-40; 37, 17-24; Apk 4, 5. Ara RONALD MEYNET, La composition du Notre Père fil-Liturgie 119 (2002), 158-191.

[7] Ara l-ktieb ta’ ANDREW MURRAY, Lord Teach Us to Pray, Philadelphia/PA 1896.

[8] Dan hu minħabba l-fatt li t-Testment il-Ġdid hu miktub bil-Grieg u Ġesù kien jitkellem bl-Aramajk.  Għalhekk aħna nistgħu nkunu ċerti biss b’dak il-ftit kliem li fit-Testment il-Ġdid hu miktub jew jagħmel referenza għal Aramajk – ara Mk 5, 18. 41; 7, 34; 11, 9; 14, 36; 15, 34; Mt 5, 22; 6, 24; 27, 6. 46; Lq 1, 15; 16, 9-13; Ġw 20, 16.

[9] Dwar it-tetragramma JHWH ara Eż 3, 15.

[10] Enzo Bianchi, Il Padre nostro, 45-47.

[11] Ara Oriġene, On Prayer, 27, 7.

[12] Hawn qed nirreferi għat-tielet edizzjoni tal-verżjoni ta’ l-Għaqda Bibblika Maltija u l-verżjoni ta’ Saydon.  Ta’ min isemmi wkoll, li fil-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika tradott għall-Malti nużaw il-kelma ‘dnubietja’ filwaqt li t-test bl-Ingliż hu tradott għal ‘trespasses’ u fit-Taljan għal ‘debiti.’

[13] Enzo Bainchi, Il Padre nostro, 54.

[14] Ara l-kliem ta’ Ġesù lil Pietru f’Mt 26, 41 u Mk 14, 38.

[15] Ara Salm 43, 1: “Agħmel ħaqq miegħi int, Mulej, u min-nies bla tjieba ddefendi l-kawża tiegħi” u Salm 119, 154: “Iddefendi l-kawża tiegħi, u ifdini; agħtini l-ħajja skont il-wegħda tiegħek.”