Sub tuum praesidium, jew kif hi magħrufa bil-Malti “Taħt il-Ħarsien Tiegħek”, hi x’aktarx l-aktar talba antika tal-Knisja ddedikata lill-Imqaddsa Verġni Marija. Hi talba li ilha tintuża f’diversi riti liturġiċi, kemm minn dawk tal-Lvant kif ukoll minn tal-Punent. Fl-1917, John Rylands Library, librerija fl-Università ta’ Manchester, xtrat diversi biċċiet ta’ papiri Eġizzjani[1]. Fost dawn il-biċċiet, kien hemm framment bil-kitba ta’ din it-talba. Il-paleografu Edward Lobel stima din il-kitba mis-snin 250 u 280 AD, u għalhekk jagħmluha antika iktar mill-Ave Maria[2].
Bħat-talb antik liturġiku ieħor, din it-talba hi sempliċi u tesprimi tifħir nobbli fl-espressjoni konċiża tagħha. Wieħed mill-ewwel jinnota xebh mat-talba tal-Missierna (“…eħlisna mid-deni…”)[3] u mat-tislima ta’ Eliżabetta (“Mbierka inti…”)[4] . Dan jurina li l-komunità Kristjana fl-Eġittu kienu diġà għarfu kemm il-Verġni Marija hi qrib tan-niket u t-tiġrib tagħhom. Mill-istorja nafu li l-Kristjani fl-Eġittu ta’ dak iż-żmien kienu għaddejjin minn persekuzzjoni taħt Deċju jew Valerju.[5] Huma daru lejn Marija biex jitolbuha l-protezzjoni għax għarfu s-saħħa ta’ l-interċessjoni li tagħti lil dawk li jduru għall-kenn tagħha.
Din it-talba, għalkemm qasira, toffrilna tlett veritajiet teoloġiċi dwar Marija. L-ewwel verità hi li Marija hija l-mara magħżula minn Alla, għalhekk hi mbierka. Verità oħra hi li Marija hi dejjem Verġni. Dan narawh fil-kliem “O Verġni glorjuża.” Valur teoloġiku ieħor dwar Marija hu li hi Omm Alla, Theotokos.
Sfortunatament, fit-traduzzjoni ntilef il-qawwa ta’ b’liema protezzjoni qed jintalab il-kenn. It-test bil-Grieg juża l-kelma εὐσπλαγχνίαν (eusplagchnian), li b’mod laxk tfisser “ta’ qalb tajba.” Din hi l-istess kelma li tintuża fl-Iskrittura Mqaddsa biex tiddeskrivi l-ħniena (misericordia) t’Alla lejn il-bniedem.[6] Dan narawh fis-sagrifiċċju ta’ Ġesù fuq is-salib. Permezz ta’ dan is-Sagrifiċċju, il-Qalb ta’ Marija kienet minfuda b’sejf ta’ dulur li ħadd minna ma jista’ jgħaddi minnu. Hi, ta’ qalb bla tebha, rat u fehmet il-ħniena ta’ Binha fuq is-salib meta ratu jmut biex jieħu d-dnubiet u l-ħażen tagħna kollu fuq spallejh. X’dulur! X’interċessjoni!
B’dawn il-ħsibijiet f’moħħna u f’qalbna, nitolbu lil Marija t-talba li ilha tingħad sa mit-tielet seklu:
“Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu, Omm qaddisa ta’ Alla: la twarrabx minn quddiemek it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna, u eħlisna dejjem minn kull tiġrib, o Verġni glorjuża u mbierka.”
Referenzi
[1] Ara Frederica Mathewes-Green, The Lost Gospel of Mary: The Mother of Jesus in Three Ancient Texts, Brewster/ma 2007, 83.
[2] Għal aktar dettalji dwar l-istudju paleografiku ara Ibid. 85.
[3] Mt 6, 13.
[4] Lq 1, 42.
[5] Ara W.H.C. Frend, The Rise of Christianity, Philadelphia/pa 1985, 318-336.
[6] Per eżempju, ara l-ħniena fix-xbiha tal-missier ma’ l-iben iż-żgħir fil-parabbola ta’ l-iben il-ħali (Lq 15, 20).