Maltese Spirituality Joseph D'Emanuele  

Għax l-anġli tiegħu hu jibgħatlek, u jħarsuk fi triqatek kollha (S 91, 11)

Ikona li tirrapreżenta id-disa’ kori tal-anġli.

L-Anġli. Ħafna drabi, nassoċjaw l-anġli ma ħlejjaq tat-tfal jew mal-mitoloġija jew mal-fantasija. Imma l-anġli huma ħolqien t’Alla u preżenti fil-ħajja tagħna. Ma danakollu, ftit jew xejn nagħtu kas tagħhom. Fl-Iskrittura Mqaddsa nsibu msemmija disa’ ġerarkiji ta’ anġli. F’dan l-ispazju li ġej ser naraw min huma u fejn naqraw dwarhom fil-Bibbja.

Id-disa’ ġerarkiji huma maqsuma fi tlett kategoriji. Dawk tal-ewwel, li huma fl-għola livell tal-ġerarkija, huma l-aktar qrib ta’ Alla, filwaqt tal-aħħar huma aktar qrib tal-bniedem.

Dawn il-ġerarkiji jissemmew ukoll fil-letteratura, bħad-Divina Comedia ta’ Dante, u l-mitoloġija orjentali. L-anġli huma wkoll preżenti fil-ħajja tal-mistiċi, bħal-viżjoni tas-Serafin imsallab fuq is-salib meta San Franġisk t’Assisi rċieva l-pjagi nhar il-festa tal-Eżaltazzjoni tas-Salib (ara https://tinyurl.com/y932q42a).

Fl-Iskrittura nsibu diversi siltiet fejn l-anġli tal-Mulej huma preżenti u saħansitra jirreferi għalihom ix-xitan meta jittanta lil Ġesù fid-deżert. Jissemmew ukoll l-anġli l-ħżiena, per eżempju 2 Pietru 2, 4 u Apokalissi 12, 12; 21, 3-4. Għalhekk, meta jgħidulek qisek anġlu, staqsi jekk hux anġlu tajjeb jew ħażin!!

L-Ewwel Kategorija

L-għan tal-anġli ta’ din il-kategorija, l-ewwel fax tal-isfera tal-anġli, hu li jikkontemplaw u jaduraw lil Alla b’mod dirett.

1. Serafini

L-isem ifisser dawk li jaqbdu bin-nar, u huma l-ogħla ordni tal-anġli, l-eqreb ta’ Alla, u jkantaw f’adorazzjoni lil Alla “Qaddis, Qaddis, Qaddis…”. Fl-Iskrittura, fil-ktieb ta’ Isaija 6, 1-11 huma deskritti b’sitt ġwienaħ; bi tnejn kienu jgħattu wiċċhom, bi tnejn kienu jgħattu riġlejhom, u bi tnejn jittajru.

2. Kerubini

It-tieni ġerarkija ta’ anġli, il-Kerubini, jgħixu lil hinn mit-Tron ta’ Alla, fil-fond tal-firmament; huma għalhekk il-gwardjani tad-dawl u l-univers. Il-kelma Kerubin tfisser il-milja tal-għerf, u huma jikkontemplaw il-providenza t’Alla. Il-Bibbja turihom bħala speċi ta’ annimal, kull wieħed b’ġisem ta’ ljun, wiċċ ta’ bniedem, u żewġ ġwienaħ. Il-Kerubini jgħassu postijiet speċjali, bħal ma nsibu fil-ktieb tal-Eżodu 25, 17-21, li kienu jgħassu fuq l-Arka tal-Patt. Ara wkoll Eżekjel 10, 14 u Apokalissi 4-6.

3. Troni

It-Troni huma ħlejjaq anġeliċi b’forma li tinbidel u kuluri infiniti li jirappreżentaw l-imħabba assoluta t’Alla. Huma deskritti fil-Bibbja bħala roti magħqudin flimkien. Dawn huma roti mgħammra b’għajnejn innumerabbli, skont ix-xbieha preżenti fil-ktieb ta’ Eżekjel, fejn il-profeta jiddeskrivi l-viżjoni tas-smewwiet; hu ma jiddeskrivix b’mod espliċitu dawn ir-roti bħala anġli, iżda bħala ħlejjaq li għandhom spirtu. Ara Eżekjel 10, 17. San Pawl isemmi t-Troni fl-ittra tiegħu lil Kolossin (1, 16). Ara wkoll Daniel 7, 9.

It-Tieni Kategorija

Il-ħlejjaq anġeliċi fit-tieni kategorija, il-fax tan-nofs, għandhom l-għan li jwettqu l-pjan t’Alla għall-Univers.

4. Dominazzjoni

Huma responsabbli nkarigati jagħtu x-xogħol lill-ħlejjaq anġeliċi li huma aktar l-isfel fil-ġerarkija. Huma jirċievu l-ordnijiet tagħhom mis-Serafini, Kerubini, jew direttament mingħand Alla, u għandhom jiżguraw li l-kożmos ikun dejjem fl-ordni. Jissemmew fl-ittri lill-Efesin 1, 21 u l-Kolossin 1, 16.

5. Virtujiet

L-anġli f’din il-ġerarkija jissemmew darba waħda biss, minn Pawlu fl-Ittra lil Efesin 1, 21. Huma marbuta ma dawk il-ħlejjaq li jieħdu ħsieb l-ordni fl-univers, il-ħolqien, u n-natura kollha.

6. Qawwiet (Setgħat)

L-għan tal-Qawwiet hu li jassistu fit-tmexxija tal-ordni naturali. Ara Efesin 3, 10; u 6, 12. Huma meqjusa bħala anġli gwerriera, li jopponu wkoll l-ispirti ħżiena. Dawn l-anġli huma ġeneralment rappreżentati bħala suldati li jilbsu armatura sħiħa u elmu, u li jkollhom ukoll armi difensivi u offensivi bħal tarki u lanez jew ktajjen.

It-Tielet Kategorija

Il-ħlejjaq f’din il-kategorija huma messaġġiera t’Alla u qrib tal-bniedem.

7. Prinċipati

Dawn huma l-anġli li jiggwidaw u jipproteġu nazzjonijiet, gruppi ta’ popli, u istituzzjonijiet bħall-Knisja. Il-Prinċipati jippresjedu fuq il-faxex l-oħra tal-anġli biex dawn tal-aħħar iwettqu l-ministeru divin delegat lilhom. Hemm uħud li jamministraw u oħrajn li jgħinu. Il-Prinċipati huma deskritti liebsa kuruna u jġorru xettru. Jingħad ukoll li d-dmir tagħhom huwa li jwettqu l-ordnijiet mogħtija lilhom mill-anġli tal-fax ta’ fuq. Huma msemmija fl-ittra lill-Efesin 3, 10; u 1, 21.

8. Arkanġli

Dawn huma aktar qrib tagħna u nafu dwarhom. L-Arkanġli huma mexxeja tal-anġli u huma nkarigati mill-pjanijiet l-aktar importanti t’Alla għall-bniedem. Fl-Iskrittura nsibu ismijiet ta’ tlieta minnhom; Mikiel, Gabrijel, u Rafel. Ara Ġuda 1, 9; 1 Tessalonikin 4, 16; Apokalissi 12, 7; u Tobit 12, 15.

9. Anġli

L-anġli f’din il-ġerarkija huma l-aktar spirti viċin tad-dinja materjali u l-bniedem. Huma jieħdu ħsieb, jindukraw il-bniedem (l-anġlu kustodju), u jwasslu l-messaġġi t’Alla. Ara Luqa 22, 43; Mattew 18, 10; Lhud 13, 2.

Nagħlqu billi nagħtu ħarsa lejn tlett paragrafi (350-352) mill-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika fuq l-anġli:


350 L-anġli huma ħlejjaq spiritwali li bla heda jigglorifikaw ‘l Alla u jaqdu l-pjanijiet tiegħu ta’ salvazzjoni mal-ħlejjaq l-oħra: “huma jagħtu sehemhom għall-ġid tagħna kollu” – “Ad omnia bona nostra cooperantur angeli”.
351 L-anġli huma madwar Kristu sidhom. Jaqduh b’mod partikulari biex iseħħ il-missjoni tiegħu fost il-bnedmin.
352 Il-Knisja tqim l-anġli li jgħinuha fil-mixi tagħha f’din id-dinja, u jħarsu kull bniedem.

Katekizu Tal-Knisja Kattolika

Ara wkoll Katekiżmu tal-Knisja Kattolika paragrafu 328-336; u 391-395.

Fil-Kattoliċiżmu, il-ġerarkiji anġeliċi kollha huma mfaħħra grazzi għall-kuruna anġelika. Din id-devozzjoni ġiet imxerrda wara rivelazzjoni minn San Mikiel Arkanġlu lill-Qaddejja t’Alla Swor Antonia de Astonac, soru Portugiża. Il-Knisja għadha ma rrikonexxitx dawn ir-rivelazzjonijiet uffiċjalment.

Dawn in-noti ġew meħuda minn diversi sorsi, fosthom: